Analisti tal-aġenzija Standard And Poors affermaw l-isforzi li qed twettaq l-Enemalta biex tipprovdi prezz raġonevoli u sigurtà fil-provvista tal-elettriku waqt li tiżgura s-sostenibbiltà ambjentali u finanzjarja tas-servizzi tal-elettriku f’Malta. Fl-aħħar analiżi tagħha, l-aġenzija tal-kreditu kkonfermat il-klassifikazzjoni tal-kreditu fil-livell ta’ BB- bi prospetti stabbli.
Standard & Poor’s enfasizzat il-fatt li l-varjetà ta’ sorsi ta’ enerġija użati fil-ġenerazzjoni tal-elettriku qed jiżguraw b’mod adegwat is-sigurtà tal-provvista tal-elettriku meħtieġa fil-Gżejjer Maltin. Għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Oppożizzjoni, jiġifieri li pajjiżna ma kellux bżonn ta’ power station ġdida, l-esperti ta’ Standard and Poors qed ibassru żieda sa erbgħa fil-mija fil-konsum tal-elettriku fis-sentejn li ġejjin. Ir-rapport jenfasizza l-fatt li l-Enemalta qed tiffoka mill-ġdid fuq is-servizz offrut tant li rat tnaqqis fil-qtugħ tad-dawl.
L-esperti tal-aġenzija tkellmu wkoll dwar l-isforzi pożittivi tal-Enemalta biex jitnaqqsu l-ispejjeż u biex titjieb il-kwalità tal-provvista tal-elettriku.
Fl-analiżi tagħha dwar l-operat tal-Enemalta, Standard & Poor’s għal darb’oħra rrimarkat b’mod mill-aktar pożittiv dwar it-tmexxija u l-governanza, tant li argumentat li l-maniġment tal-kumpanija qed jopera aktar b’mod indipendenti.
Iċ-Chairman tal-Kumpanija, Kevin Chircop, laqa’ b’sodisfazzjon ir-reviżjoni ta’ Standard & Poor’s u qal li rapport juri biċ-ċar li Enemalta qed issaħħaħ il-pożizzjoni tagħha. Il-Kap Eżekuttiv tal-Kumpanija, l-Inġinier Jason Vella, iddeskriva r-reviżjoni tal-aġenzija bħala inkoraġġiment fit-tisħiħ tal-operat ta’ Enemalta lejn stabilità finanzjarja, aktar effiċjenza u servizz ta’ livell ogħla mogħti lill-klijenti.