Ftit tax-xhur wara t-twaqqif tat-Taskforce Maltija għall-Intelliġenza Artifiċjali, il-Gvern nieda l-ewwel pjan u fetaħ konsultazzjoni pubblika b’rabta mal-leġislazzjoni tal-intelliġenza Artifiċjali. Is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri qal li Malta hija post ideali fejn jistgħu jitniedu pjattaformi tal-Intelliġenza Artifiċjali.
Schembri qal li pajjiżna għandu infrastruttura tal-informatika tajba ħafna bi pjattaformi li kapaċi jħaddmu sistemi tal-5G. Sostna li b’dan il-pass li sar pajjiżna se jkun fost l-aqwa għaxar pajjiżi fid-dinja. Din l-istrateġija hija bbażata fuq tliet pilastri, li huma investiment minn startups, is-settur pubbliku u s-settur privat. Is-Segretarju Parlamentari Schembri qal li bħalma ġara fis-settur tal-blockchain, din il-leġislazzjoni mistennija tkompli tattira aktar esperti internazzjonali fil-qasam lejn pajjiżna.
Fid-diskors tiegħu, iċ-Chairman tat-Taskforce Maltija dwar l-AI, Wayne Grixti, spjega kif din it-taskforce ħolqot strateġija bbażata fuq diversi binarji strateġiċi, u li mill-Ħamis, se tibda’ xahar sħiħ ta’ konsultazzjonijiet dwar is-suġġett. Spjega li bħala taskforce jixtiequ li Malta ssir bħal pjattaforma għall-proġetti li se jkunu se jitniedu madwar id-dinja sabiex bħalma ġara f’setturi oħra pajjiżna jsir wieħed mill-pijunieri f’dan is-settur li kulma jmur dejjem qed jikber.