“Jordan jisimni. L-iskola qed jagħmlu l-boxing, kollox jagħmlu s-seminarju.”
Jordan huwa tifel li għandu 15-il sena u għandu l-kundizzjoni tad-down syndrome.
Għalkemm illum jgħix ħajja normali, Jordan twieled b’kundizzjoni li taffettwa madwar nofs it-trabi li jitwieldu bid-down syndrome, kif spjegat omm Jordan, Anna Farrugia.
Ommu spjegat kif “Ikollhom dik li ngħidulha toqba fil-qalb. Fil-każ ta’ Jordan kienet daqxejn gravi mhux ħażin u ta’ xahrejn kellna noperawh u nieħduh l-Ingilterra imma nirringrazzja lill-Bambin irnexxiet.”
Minkejja l-bidu diffiċli għal ħajja u l-kundizzjoni ta’ Jordan, huwa ma qatax qalbu. Is-Sinjura Farrugia qalet li hi u binha sabu ħafna appoġġ u għajnuna.
Qalet li “Tibda tfittex u tara x’hawn għajnuna. Illum hawn ħafna għajnuna, l-iskejjel jiġifieri.”
Fl-iskola, Jordan għamel ħafna ħbieb u huwa popolari ma’ sħabu.
Hi qalet li “He’s a very happy child. Popolari ħafna l-iskola.”
Grazzi għas-sapport li jsib minn dawk ta’ madwaru, Jordan jgħix il-ħajja normali u għandu l-ħolm u l-ambizzjonijiet tiegħu fejn spjegat kif “Il-ħajja jgħixha normali, jagħmel sforz bħal tfal oħra.”
Tant hu hekk li fil-futur, Jordan jixtieq jsir cameraperson.
Ommu spjegat kif “Fil-fatt Jordan iħobb jieħu ħafna ritratti u videos ukoll, allura jixtieq isir cameraman.”
Jordan kien wieħed minn diversi tfal b’din il-kundizzjoni li attendew laqgħa mal-ispeaker tal-Parlament flimkien ma’ diversi membri parlamentari f’attivita mtella’ mill-Assoċjazzjoni Maltija tad-Down Syndrome.
Dan sabiex jikber l-għarfien dwar din il-kundizzjoni u fl-okkażjoni tal-ġimgħa tad-down syndrome, bil-qofol jkun il-jum dinji għad-down syndrome li jiġi ċċelebrat il-Ħamis.
Fil-fatt, l-assoċjazzjoni qassmet diversi kalzetti b’kuluri differenti, li aħna lkoll differenti minn xulxin.
Qalet li “Wieħed ikun jixtieq iżjed awareness hu. Allura għalhekk norganizzaw id-down syndrome week – norganizzaw dawn l-attivitajiet biex il-poplu jkun iktar aware.”
L-Assoċjazzjoni Maltija tad-Down Syndrome toffri sapport lil ġenituri ta’ trabi li jkunu twieldu b’din il-kundizzjoni u taħdem sabiex jiżdied l-għarfien ħalli persuni b’din il-kundizzjoni ntellettwali jilħqu l-potenzjal tagħhom.