F’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministri Edward Scicluna u Konrad Mizzi, il-Gvern irrikonoxxa x-xogħol tal-uffiċjali minn entitajiet diversi biex ilbieraħ saret qabda rekord oħra ta’ droga kokaina.
Id-Direttur Ġenerali tad-Dwana Joe Chetcuti, innota li l-qabda tat-Tlieta saret bl-iscanner li xtrat id-Dwana fil-bidu tas-sena l-oħra b’investiment ta’ €2.5 miljun.
Qal li minn Jannar tal-2018 sal-lum saru 15-il qabda kbira : 16-il tunellata kannabis b’valur ta’ €28.3 miljun u 632 kilogramma kokaina b’valur ta’ €95.1 miljun. Biex b’kollox fi 13-il xahar, inqabdet droga b’valur ta’ €132 miljun.
Il-Ministru Edward Scicluna qal li s-suċċess miksub mid-Dwana Maltija qed jiġi nnutat minn pajjiżi madwar id-dinja u dan ikompli jagħmel unur lil Malta – speċjalment fejn tidħol is-saltna tad-dritt.
Il-Ministru Konrad Mizzi nnota l-ammonti straordinarji ta’ droga li qed jirnexxielha taqbad id-Dwana Maltija, u qal kif is-suċċess li qed isir fil-Port Hieles – li jġorr 3.4 miljun kontejner fis-sena – irid jiġi replikat fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
Iż-żewġ Ministri fakkru kif xogħol id-Dwana Maltija huwa li tipproteġi lil pajjiżna, iżda bix-xogħol li qed tagħmel, qed tipproteġi wkoll lil pajjiżi oħra.