L-uffiċċjali tad-Dwana stazzjonati fil-Freeport kienu l-moħħ wara qabda kbira oħra ta’ droga Kokaina li nstabet f’4 kontejners differenti mimlija bil-frott. B’kollox f’din il-qabda instabu mal-288 kilo ta’ kokaina moħbija ġo 4 kontejners tal-friża li kienu għadhom kif waslu Malta minn pajjiż fl-Amerika t’isfel. Id-droga maqbuda qed jiġi stmat li tiswa aktar minn €32.4 miljun.
Minn Malta dawn il-kontejners kienu se jkomplu bit-traġitt tagħhom lejn pajjiż ieħor fl-Unjoni Ewropea. Sa issa għadu mhux magħruf jekk din id-droga kinitx intenzjonata għas-suq Ewropew jew le.
Id-Dwana qalet li d-droga kollha nstabet kollha moħbija fil-panelli fejn suppost kien hemm l-insulazzjoni tal-kontejners u ġol-kompartiment tal-kompressur. Dwar dan il-każ infetħet inkjesta Maġisterjali filwaqt li d-Dwana u l-Pulizija mill-iskwadra ta’ kontra d-droga qed jinvestigaw din il-qabda kbira oħra ta’ droga. Din il-qabda kbira ta’ droga segwiet diversi qbid oħra fix-xhur li għaddew.
Dawn il-qabdiet kbar qed isiru grazzi għal bdil fil-modus operandi tad-Dwana fil-Freeport grazzi għall-investiment multimiljunarju li sar f’dan id-dipartiment fis-snin li għaddew. Permezz ta’ dan l-investiment kien inxtara scanner state of the art u kienu saru wkoll xogħlijiet infrastrutturali kbar fil-maħżen li d-Dwana għandha fis-sit tal-Port Ħieles f’Birżebbuġa.
Grazzi għal dan l-investiment, fi ftit xhur mill-inawgurazzjoni tiegħu id-Dwana rnexxielha twaqqaf mijiet kbar ta’ kili ta’ droga milli jaslu fis-swieq internazzjonali.
Intant, fi tweet il-Prim Ministru Jospeh Muscat ukoll irringrazzja lid-Dipartiment tad-Dwana u s-Servizzi tas-Sigurtà ta’ din il-qabda. Qal kif dawn l-uffiċjali qed jagħtu daqqa’ l-isfel liċ-ċirku tat-traffikar tad-droga globali.
Well done to our Customs and Security Services for intercepting 4 containers with 288kg of cocaine destined for the international market, and dealing a massive blow to a global drug ring -JM @edward_scicluna @dr_micfarr pic.twitter.com/dRGz3Lv0jw
— Joseph Muscat (@JosephMuscat_JM) March 20, 2019