Mill-elfejn u tlettax sa llum, ħamest elf erba mija u tlieta u tmenin student baqgħu jirċievu stipendju minkejja li kellhom jirrepetu s-sena.
Permezz ta’ miżura mdaħħla fl-ewwel leġiżlatura ta’ gvern Laburista, qed jiġu nċentivati u mgħejjuna studenti biex ikomplu jistudjaw, anke jekk ma jkunux imxew għas-sena li jmiss.
Din il-miżura hija investiment ta’ iktar minn tliet miljun ewro fuq dawn l-istudenti. Ir-rata medja ta’ stipendju għal kull student kienet ħames mija u ħamsa u sittin ewro.
Meta student jew studenta jirrepetu s-sena, ir-rata tal-istipendju tvarja skont in-numru ta’ sigħat li jkunu attendew fil-kors tagħhom.
Fis-sena akkademika elfejn u sbatax elfejn u tmintax, l-aħħar sena skolastika sħiħa, l-ispiża biex tiġi mplementata din il-miżura kienet ta’ iżjed minn nofs miljun ewro.
Minkejja ż-żieda fi studenti meta mqabbla mas-sena ta’ qabel, in-nefqa matul is-sena skolastika elfejn u sbatax elfejn u tmintax naqset bi kważi disgħin elf ewro. Din tindika li aktar studenti qegħdin jirrepetu ftit suġġetti biss u mhux il-kors sħiħ ta’ sena.
Mill-istudenti li rrepetew tul is-sena akkademika elfejn u sbatax elfejn u tmintax, kien hemm rata ta’ suċċess għolja. Fil-fatt kważi 70% komplew b‘suċċess l-istudju tagħhom jew iggradwaw wara dik is-sena akkademika li fiha jkunu rrepetew.
Il-maġġoranza ta’ dawn l-istudenti ġew promossi fil-kors ta’ studju tagħhom jew bdew kors ġdid f’istituzzjoni edukattiva oħra, ħafna minnhom f’istituzzjoni terzjarja.
Hemm persentaġġ ieħor ta’ studenti li minkejja ma javvanzawx fl-istudju wara li jirrepetu sena, xorta ikomplu jistudjaw fuq livelli aktar baxxi. B’hekk, aktar minn tmenin fil-mija tal-istudenti li rrepetew sena, komplew bl-istudji tagħhom.
Dan juri li l-biċċa l-kbira tal-istudenti li jirrepetu, jagħżlu li jkomplu jistudjaw b’suċċess u jimxu ‘l quddiem.
L-istipendju jgħin sabiex iktar żgħażagħ jibqgħu fis-sistema edukattiva. Dan jingħata b’kundizzjoni li l-invididwu jibqa’ jattendi għall-lezzjonijiet u li jagħmel l-eżamijiet meħtieġa biex jgħaddi.