Edward Cardona ta’ 36 sena ġie liberat wara li ma nstabx ħati fuq traffikar ta’ droga kokaina u pussess aggravat tad-droga.
Cardona li kieku nstab ħati kien jeħel piena t’għomor il-ħabs għadda ġuri fuq każ li jmur lura għall-elfejn u tlettax meta mara kienet inqabdet bid-droga fl-ajruport internazzjonali ta’ Malta.
Għalkemm il-mara qatt ma għarfet lil Cardona fl-istadju ta’ kumpilazzjoni, waqt il-ġuri hija qalet li għarfet lill-akkużat bħala l-bniedem li għandu kellha tasal id-droga.
Id-difiża rreaġixxiet għal dan u qalet li x-xhieda m’hiex kredibbli anki għax qatt ma sar proċess ta’ identifikazzjoni.
Wara ħames sigħat ta’ deliberazzjoni, il-ġurati ħarġu b’verdet ta’ seba’ voti kontra tnejn ta’ mhux ħati fuq traffikar tad-droga u vot unanimu ta’ l-ebda ħtija dwar pussess aggravat ta’ droga kokaina.