L-Istat Iżlamiku qed iħeġġeġ lill-Musulmani biex jirreaġixxu għall-attakk terroristiku fi New Zealand il-Ġimgħa l-oħra. Dan f’messaġġ rari wara sitt xhur sħaħ ta’ silenzju mit-tmexxija tal-Kalifat.
Kelliem għall-għaqda ħeġġeġ biex il-Musulmani jivvendikaw rwieħhom għar-reliġjon tagħhom f’messaġġ ta’ tliet kwarti li xxandar fuq il-midja bl-isem Al Furqan, għandu rabtiet mal-Istat Iżlamiku.
“Li ġara f’dawk iż-żewġ moskej huwa traġedja bħall-oħrajn u bħal dawk li għad iridu jiġru. Ix-xeni ta’ mwiet huma biżżejjed biex iqajmuna fuq saqajna u npattu ta’ dak li ġara fuq dawn il-persuni minħabba r-reliġjon tagħhom”.
L-attakk fi Christchurch, New Zealand, ħalla 50 persuna bla ħajja wara li Brenton Tarrant, li għandu 28 sena u jgħix l-Awstralja, spara fuq il-folol li kienu qed jitolbu f’dawn il-moskej. Aktar tard kien ikkonfermat fil-midja li r-raġel ried ipatti għall-attakki li saru fl-Ewropa mill-Musulmani.
Minkejja li l-Istat Iżlamiku dejjem insista li Musulmani u persuni li ma jsegwux ir-reliġjon Musulmana m’għandhomx jgħixu fl-istess komunità, tant, li juża attakki terroristiċi biex jagħmel dan il-punt.
Minħabba f’hekk, servizzi tas-sigurtà madwar id-dinja huma mħassba bir-ripetizzjoni ta’ dawn l-attakki mdemmija, u mistennija jippreparaw għal xi attakk wara l-messaġġ maħruġ mill-ISIS.