Mal-150 mudell qed jiġu eżibiti bħalissa fil-Mużew Marittimu fil-Birgu.
Din hija t-38 wirja annwali ta’ mudelli fi skala tas-Society for Scale Modellers (IPMS Malta), li qed ittella’ din l-eżibizzjoni flimkien ma’ mudelli minn IPMS Italy.
Il-mudelli eżibiti jinkludu ajruplani militari u ċivili, karozzi, trakkijiet, muturi, vetturi armati militari, kif ukoll klassijiet varji ta’ vapuri. Barra minn hekk hemm ukoll sezzjoni ddedikata lill-figurini.
Mudelli li bosta minnhom rebħu premji varji f’kompetizzjonijiet internazzjonali fl-aħħar snin – xogħlijiet ta’ arti tal-ogħla livell.
Din il-wirja għandha miftuħa sa għada t-Tlieta 19 ta’ Marzu bejn id-9am u l-5pm. Wirja li min jattendi għaliha jkollu l-possibilità jara lil membri tas-Soċjetà jaħdmu fuq xi mudelli dak il-ħin stess.