Il-faċċata taċ-Ċentru Parrokkjali f’Misraħ San Ġorġ f’Ħal Safi ngħatat nifs ġdid wara restawr estensiv mill-ħaddiema tad-Direttorat tar-Restawr.
Ix-xogħlijiet ta’ restawr li saru fuq medda ta’ sitt xhur, b’tliet persuni dejjem għaddejjin, wassal biex din il-binja, li nbniet mill-Kavallieri ta’ San Ġwann u qabel kienet tintuża bħala fortizza, reġgħet ngħatat il-ħajja.
Il-faċċata tikkonsisti f’żewġ torrijiet żgħar fuq il-qiegħ tal-faċċata, bi ftit aperturi għal raġunijiet ta’ sigurtà, b’arma f’nofs il-faċċata u xkafef tal-ġebel quddiem it-twieqi tas-sular ta’ fuq.
Il-Perit responsabbli mill-proġett, Audrey Anne Bonnici, spjegat kif l-akbar kawża ta’ deterjorazzjoni komuni kien it-tkabbir bijoloġiku li kien jgħatti ħafna mill-faċċata bl-ewwel xogħol kien it-tindif mit-trabijiet u l-ħmieġ li jkun inġema’
“Neħħejna l-kisi man-naħa t’isfel tal-faċċata li jkun dejjem sar u nġema’ saff fuq ieħor, mingħajr ma għamilna l-ħsara lill-ġebla, neħħejna wkoll l-biological growth li jkun nġema’ maż-żmien mbad isir it-tikħil,” qalet il-Perit.
Spjegat kif il-ġebla, minkejja li l-binja ilha mibnija għal madwar ħames mitt sena, tinsab fi stat tajjeb u kif wara t-tikħil ma kienx hemm bżonn aktar INTERVENTI.
Bonnici qalet li kulma jonqos hu r-restawr tal-aperturi tal-injam biex b’hekk il-faċċata tal-binja tkun lesta għalkollox.
Waqt żjara fuq il-lant tax-xogħol, il-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici qal kif permezz ta’ proġetti bħal dawn nistgħu nkomplu nsaħħu l-wirt lokali.
“Aħna bħala gvern nedejna skema ta’ restawr fil-kunsill lokali fejn stedinna lill-kunsilli lokali nfushom jgħidulna fejn nirrestawrawlhom bl-ispejjeż ikunu kompletament tagħna, nieħdu ħsieb il-permessi, kollox, jieħu ħsiebu d-direttorat tar-restawr,” qal il-Ministru Bonnici.
Il-Ministru Bonnici qal kif il-Gvern jinsab impenjat biex isaħħaħ il-prodott kulturali lokali li jifforma parti kbira mill-identità tal-pajjiż.