L-Ewroparlamentari Laburista Marlene Mizzi ġiet maħtura bħala rapporteur għan-nom tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi (S & D) fil-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni għall-approċċ integrat għall-“Sport Policy: Good Governance, mobility and integrity”.
Mill-aħħar leġiżlatura ’l hawn, l-Ewroparlamentari Mizzi ħarset mill-qrib lejn din il-kwistjoni, u ħadet rwol ewlieni fil-grupp politiku tagħha stess fejn il-promozzjoni ta’ attivitajiet fiżiċi u l-isport huma wħud mill-prijoritajiet politiċi ewlenin tal-Kumitat CULT.
Marlene Mizzi qalet li “l-isport għandu rwol importanti għal biljuni ta’ nies madwar id-dinja. Fil-mument aħna kollha nsegwu b’entużjażmu l-kampjonat tal-futbol Ewropew u aktar tard din is-sena, mingħajr dubju, ser insegwu l-logħob Olimpiku tas-Sajf f’Rio. Sfortunatament, f’avvenimenti sportivi kbar, naraw ukoll in-naħa l-kerha tal-industrija sportiva bl-iskandli kbar ta’ korruzzjoni, skandli dwar doping, match fixing, vjolenza fil-grawnds u ħafna tħassib ieħor ta’ saħħa pubblika, sigurtà u sikurezza.”
Mizzi qalet li l-kompetizzjonijiet sportivi u l-avvenimenti kemm dawk Internazzjonali u Ewropej kif ukoll s-settur sportiv b’mod ġenerali, jeħtieġ li jkunu ta’ eżempju ta’ integrità, trasparenza u governanza tajba li jinkludu responsabilità u sostenibbiltà. Dan ir-Rapport wasal f’mument opportun, eżatt qabel ma jibdew n-negozjati dwar il-pjan ġdid Ewropew għall-isport, hekk kif dak attwali jiskadi fl-2017.”
“Bħala kelliema għall-grupp S & D, ser niżgura li nindirizza b’mod urġenti loopholes fil-politika preżenti tal-UE, bħall-ġlieda kontra d-doping, match fixing u l-imħatri illegali. Ser nizgura ukoll li l-iżvillup għaż-żgħażagħ sportivi u l-protezzjoni tal-minuri ukoll ikunu inklużi, b’hekk l-isport ta’ livell għoli ma jaffetwax l-avvanz taż-żgħażagħ sportivi. Għandna bżonn azzjonijiet effettivi għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-promozzjoni t’etika fl-isport, b’regoli stretti dwar is-superviżjoni finanzjarja u r-responsabbiltà. ” qalet l-MPE Mizzi.
“Hemm ukoll bżonn li nippromwovu aktar attivitajiet sportivi fl-iskola u niżguraw aċċess ugwali għall-isport u l-attivitajiet fiżiċi għal kulħadd b’mod partikolari għall-gruppi vulnerabbli fis-soċjetà, bħat-tfal u l-persuni b’diżabilità. Hemm bżonn li nemfasizzaw aktar l-importanza tal-Ispecial Olympic Games, li huma eżempju eċċellenti ta’ kif l-isports jista’ jtejjeb l-inklużjoni soċjali ta’ gruppi żvantaġġjati fis-soċjetà. B’mod ġenerali huwa importanti li nnisslu mentalità favur l-isports u nħarsu lejn il-mantra ‘mens sana in corpora sano’”, temmet l-Ewroparlamentari Mizzi.