Ix-xogħol huwa importanti biex wieħed itejjeb il-qagħda ekonomika tiegħu iżda daqstant ieħor huwa importanti il-ħin li wieħed iqatta’mal-familja. Il-Membru Parlamentari Miriam Dalli qalet dan waqt li indirizzat attività politika f’San Ġwann. Dr Dalli spjegat kif matul dawn l-aħħar snin kienet imbuttat ‘il quddiem il-kunċett ta’ leave li jinqasam bejn il-ġenituri wara t-twelid ta’ tarbija skont il-htiġijiet tal-familja biex iż-żewġ ġenituri ikollhom ċans igawdu lit-tarbija.
Issa l-ewroparlamentari Laburista se tkun qed tenfassiza tlett punti oħra li permezz tagħhom il-familji jistgħu jgawdu minn aktar bilanċ bejn il-familja u x-xogħol, b’dawn ikunu aktar implimentazzjoni ta’ teleworking fejn dan ikun possibli, implimentazzjoni ta’ siegħat flessibli fil-post tax-xogħol u aktar proġetti pubbliċi fejn il-familji jistgħu jgawdu l-ħin liberu tagħhom.
“Huwa b’hekk li nistgħu nassiguraw kwalità ta’ ħajja aħjar lill-familji tagħna. Wara kollox aktar bilanċbejn il-familja u x-xogħol jista’ faċilment jipprevenji problemi aktar serji b’mod partikulari b’rabta mas-saħħa mentali”, sostniet Dr Dalli.
Matul din l-attività l-MEP Dalli tkellmet ukoll dwar il-vot li għadda din il-ġimgħa fil-Parlament Ewropew b’rabta mal-fond ta’€10.4 biljun bil-ghan li jiġu mgħejjuna pajjiżi li qegħdin fil-fruntiera tal-UE,bħal Malta,biex ikunu jistgħu,fost l-oħrajn,jirrilokaw immigranti li jaslu f’pajjiżhom u jirritornaw dawk l-immigranti li ma jkollhomx dritt li joqogħdu fil-pajjiż. Dr Dalli wieġbet ukoll mistoqsijiet ta’ dawk preżenti b’rabta ma’ Brexit, il-ħidma tagħha fuq il-kanċer u r-riċerka u l-innovazzjoni kif ukoll dwar il-viżjoni tagħha għall-parteċipazzjoni ta’ aktar nisa fil-politika u kif nistgħu nassiguraw li t-teknoloġija u l-ħolqien tax-xogħol jimxu id f’id.