Għandu jkun hemm assessjar tajjeb ta’ każ ta’ vjolenza biex anke l-aggressur jingħata l-għajnuna li għandu bżonn.
Dan kien il-qofol ta’ riċerka dwar is-suġġett, li saret mill-Kummissjoni għall-Vjolenza Domestika li tħaddan l-għaqda Peer to Peer. Din tħeġġeġ professjonisti bħal Pulizija, Psikologi, jew persuni li jaħdmu fil-qasam tas-Saħħa, biex jagħtu sehemhom f’każi ta’ vjolenza b’mod ħolistiku.
Dr. Joan Camilleri, li tmexxi l-għaqda, spjegat li r-riċerka ffukat fuq kif jiżviluppa persuna li jwettaq vjolenza fuq persuna oħra.
“Saret riċerka wkoll fuq x’tip ta’ intervent jista’ jsir fuq il-perpetrators biex dawn ikunu anqas vjolenti u jistgħu jirrelataw tajjeb man-nies li qed jgħixu magħhom. Din saret kemm minn psikologi tal-ħabs u anke minn dawk tal-programm ta’ parole.”
Qalet li aggressuri jistgħu jkunu ta’ kull età u minn livelli soċjali differenti. Fil-fatt, ir-riċerka tistabbilixxi wkoll li f’Malta l-każijiet ta’ vjolenza jvarjaw.
“F’każi per eżempju ta’ eating disorders rajna pattern ta’ school bullying, u vjolenza fiżika, domestika, jew sesswali. Iżda minn riċerka oħra li saret sibna li persuni kienu vjolenti fuq il-partner tagħhom u kien hemm saħansitra anke attentat ta’ qtil.”
Tkellimna wkoll mal-Ispettru Silvana Gafà, li qalet li persuni li jafu b’każ ta’ vjolenza domestika jistgħu jirrapportaw lill-Pulizija, anke b’mod anonimu.
“Mbagħad aħna bħala Pulizija through il-Victim Support Unit għandna ċans li naraw il-bżonnijiet tal-każ, u tal-vittma speċjalment u nagħmlu needs assesment u nirreferuhom għand l-entitajiet ikkonċernati.”
Il-Kummissarju għall-Vjolenza Domestika Simone Cini laqgħet ir-riċerka li saret, u fakkret li issa, ix-xewqa tal-Kummissjoni hija li taħdem aktar mal-qasam tas-saħħa mentali.