Il-Bank of Valletta għamel qligħ qabel it-taxxa ta’ mija sitta u erbgħin miljun u mitejn elf ewro fis-sena finanzjarja li ntemmet fl-aħħar ta’ Diċembru. Imqabbel mas-sena ta’ qabel, il-qligħ tal-bank żdied b’sitta fil-mija.
Madankollu f’konferena tal-aħbarijiet, it-tmexxija tal-bank qalet li warrbet ħamsa u sebgħin miljun ewro biex tilqa’ għal każi ta’ litigazzjoni li hemm għaddejjin bħalissa u b’hekk għalqet l-elfejn u tmintax bi qligħ ta’ wieħed u sebgħin miljun u mitejn elf ewro.
Il-Kap Eżekuttiv tal-BOV, Mario Mallia qal li l-qligħ kien dovut għal bosta fatturi fosthom dħul aktar mis-self offrut lill-klijenti tal-bank li qabeż l-erbat elef u sitt mitt miljun ewro.
B’rabta mal-każ fl-Italja, is-Sur Mallia saħaq li l-bank għandu pożizzjon leġali b’saħħitha ħafna biex iwieġeb għat-talbiet li qed isiru mill-investituri Taljani dwar każ li seħħ fi żmien tmexxija preċedenti.
Is-Sur Malli qal li d-deċiżjoni tal-bank li ma jħallasx divident kienet miżura biex il-bank issaħħaħ il-kapital tiegħu.
“Il-każ li għandna fl-Italja tad-Deiulemar, huwa każ kbir u minħabba l-post fejn qed jinstema’ l-bank għandu xi concerns u hemmhekk tidħol l-inċertezza. Din wasslet lill-bank biex ikun kawt u qed insaħħu l-kapital minħabba din l-inċertezza.”
Ir-riżultati finanzjarji tal-bank juri li matul is-sena li għaddiet, id-depożiti tal-klijenti fil-fergħat tal-bank żdiedu b’aktar minn tlieta fil-mija għal għaxart elef u erba’ mitt miljun ewro.
Dwar l-attakk li sofra l-bank fuq is-sistemi tiegħu f’nofs Frar fejn il-hackers għamlu 11-il tranżazzjoni ta’ kważi tlettax-il miljun ewro, it-tmexxija tal-bank qalet li tinsab fil-proċess li tirċievi ħames miljun u sitt mitt elf ewro, waqt li hemm erba’ miljun u erbgħa mitt elf ewro oħra li jinsab iffriżati.
“L-attakk kien professjonali ħafna – mill-att finajzna m’affettwana kwzi xejn veru hareg 13-i lmiljjun – hafna minnhom se nirkuprawhom lura jew ninanzbu fil-process li nirkuprawhom – saħħaħna d-difivizi tal-bank u hemmhekk l-impatt huwa ftit li xejn.”
Minkejja l-isfidi tal-bank, is-Sur Mallia fisser is-sena li għaddiet bħala waħda tajba ħafna.
“Jekk inqabblu l-operat rajna titjib mill-operat – jekk innehhu dik, kienet sena tajba ħafna għall-bank of Valletta.”