Kull missjoni ta’ volontarjat hija differenti, u tvarja skont l-istorja, il-politika u l-kultura tal-pajjiż.
Iżda li wieħed ipoġġi ħajtu fil-periklu biex jgħin lil dawk inqas ixxurtjati minnu, huwa tabilħaqq xempju tal-altruwiżmu u jkun qed jgħix il-proprju valur tal-volontarjat.
Gesmond Micallef huwa d-Deputy Charge Nurse taċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Raħal Ġdid, u għandu esperjenza ta’ għexieren ta’ snin fl-emerġenza.
Gesmond wasal Malta din il-ġimgħa wara tnax-il jum f’missjoni ta’ volontarjat fil-Libja bħala parti minn inizjattiva Franċiża – li rat lilu flimkien ma’ tliet Franċiżi u Spanjol itwettqu pjan t’għajnuna għas-servizzi ta’ Emerġenza fl-Isptar ta’ Benghazi.
“Xogħli kien hands on practice dirett mal-pazjenti. Kont ordnat li nagħti xi lectures u nagħmel assessment tad-Dipartiment tal-Emerġenza u tal-Ambulanzi.”
Spjega li wara l-gwerra, ħafna tobba u infermiera telqu mill-pajjiż, bil-konsegwenza li r-riżors uman illum huwa limitat ħafna.
Qal li l-għatx għall-għajnuna – l-aktar dik medika u loġistika – tinħass mal-ewwel hekk kif wieħed jirfes l-art ta’ dan il-pajjiż.
“Id-domanda hija enormi għaliex mhux mill-aspett fiżiku biss aħna attakkajna l-aspett fiżiku. Issa hemm grupp ieħor se jaħdem fuq dak li huwa l-aspett psikoloġiku għaliex il-Gwerra tħalli ħafna feriti psikoloġiċi li jkollhom bżonn counseling.”
Xhieda ta’ dan huma tobba fl-Emerġenza tal-isptar li fih kien Gesmond, li esprimew is-sodisfazzjon tagħhom għat-taħriġ li ngħataw u appellaw għal aktar għajnuna.
“In Libya now there is disaster and a lot of people is needed help and we tell Dr. Gesmond to help and another people to come with him to help me and Libyan people.”
“Gesmond he came here to give us training and help us and I hope there is more people coming with Gesmond to help us Libya now stable and we already have nice and big huge hospital and really we need your help.”
Din mhix l-ewwel esperjenza ta’ Gesmond fil-Libja. Fil-gwerra tal-elfejn u ħdax, huwa għamel xejn inqas minn sena u disa’ xhur b’ħajtu f’riskju biex jgħin lill-midruba.
Wieħed u għoxrin xahar li bħal dawn it-tnax-il jum, ħalla lill-familja warajh biex għen isalva l-ħajjiet.
U seba’ snin wara, għalkemm kif jixhdu filmati li ħa hu stess għad hemm binjiet imġarrfa u nies vittmi tal-isparar u l-ġlied, Gesmond jgħid li l-preżenza tal-forzi tas-sigurtà żdiedet.
“Hemm daqsxejn affarijiet li ma tiħux pjaċir tarahom pero l-bidla nemmen li ħa ssir imma ħa tieħu s-snin twal.” 09
Għal Gesmond, il-volontarjat huwa katina li ma tispiċċa qatt, u jemmen li dak li għamel u qed jagħmel fil-Libja huwa servizz relevanti li qed joffri raġġ ta’ dawl għall-ħajja ta’ ħafna nies.