F’każijiet ta’ ordni ta’ ħarsien, il-professjonisti tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Soċjali, jaħdmu biex jirrintegraw lit-tfal fostered mal-ġenituri bijoloġiċi tagħhom.
Madankollu fil-Parlament, id-Deputat Laburista Glenn Bedingfield żvela kif fi żmien amministrazzjoni Nazzjonalista waħda minn tliet ulied li kienet fostered minn koppja f’Għawdex bdiet tinżamm ‘il bogħod minn ħutha li kienu f’dar tat-tfal f’Malta.
Qal li kull meta kien ikun hemm iż-żjara ta’ aċċess taħt superviżjoni dejjem b’xi skuża biex ma ssirx, u allura din it-tifla la tiltaqa’ ma’ ħutha u lanqas mal-ġenituri tagħha.
Żied jiżvela li f’dan il-każ partikolari, il-foster carer Għawdxija qalet lil omm bijoloġika li kieku kellha s-saħħa, kienet teħdilha lit-tlett itfal.
Bedingfield qal li b’dan il-kliem riedet tfisser li m’għandhiex saħħa politika, għax kien fi żmien il-Partit Nazzjonalista li kien isir indħil politiku.
Id-Deputat Laburista kien qed jitkellem f’kuntest ta’ allegazzjonijiet li saru mill-Membru Parlamentari Nazzjonalista Robert Cutajar dwar indħil politiku mill-Bord Konsultattiv dwar it-Tfal u ż-Żgħażagħ.
Iżda Bedingfield fakkar li r-rapport tal-inkjesta tal-Imħallef Michael Mallia dwar l-operat tal-Bord, diġà wera li ma kien hemm l-ebda indħil politiku.
L-Imħallef kien qal li filwaqt li jista’ jkun li xi ġenituri bijoloġiċi kellmu xi Ministru kif wara kollox għandhom dritt, mill-investigazzjonijiet li saru rriżulta li ma kien hemm l-ebda influwenza ministerjali dwar id-deċiżjonijiet meħuda mill-Bord.
Temm ifakkar li l-Bord ma jagħtix ċertu dettalji biex jipproteġi l-identità tat-tfal fl-aħjar interess tagħhom.