Raġel li kkawża ħsara fuq mutur u faċċata ta’ dar waqt li kien xurban, ingħata sentenza sospiża ta’ ħabs wara li ammetta l-akkużi miġjuba kontrih fil-Qorti.
Vasile Frumuzache, li huwa Rumen u għandu 29 sena, spiċċa arrestat mill-Pulizija s-Sibt li għada wara li nstab rieqed f’karozza ta’ xi ħadd ieħor. Fil-Qorti ntqal li tul il-lejl, l-akkużat ikkawża ħsara lil mutur u faċċata ta’ dar fi Triq il-Kulleġġ, ir-Rabat, ħarab minn fuq il-post, u nstab xi ħin wara rieqed f’karozza ftit metri ‘l bogħod mill-post tar-reat.
Id-difiża qalet li l-akkużat kien lest iħallas id-danni, minkejja li ma ssemmiex ammont fil-Qorti. L-akkużat ammetta l-akkużi miġjuba kontrih, u ġie kkundannat 14-il xahar ħabs sospiżi għal sentejn.