Dr Miguel Debono, tabib Malti ta’ li jaħdem l-Ingilterra, kiseb għotja ta’ kwart ta’ miljun sterlina mill-Istiutut Nazzjonali għar-Riċerka dwar is-Saħħa fir-Renju Unit biex ikompli r-riċerka tiegħu li tinvolvi test innovattiv li jieħu post ieħor iktar ikkumplikat, invażiv, u għali.
F’intervista ma’ ONE NEWS, Dr Debono qal li l-ġisem ta’ persuni li jieħdu dożi qawwijin ta’ steroids għal tul ta’ żmien jieqaf jipproduċi ormon magħruf bħala Cortisol fost oħrajn jgħinna niġġieldu l-istress u l-ġlieda kontra l-infezzjonijiet.
Dr Debono, li speċjalizza fid-dijabete u l-endokrinoloġija, ilu l-Ingilterra mill-elfejn u sitta, u llum huwa konsulent fis-sistema tas-saħħa Ingliża u Lettur fl-Università ta’ Sheffield.
Spjega li biex jitkejjel il-livell ta’ Cortisol, il-persuna trid tidhol l-isptar, jittiehed test tad-demm, tinghata injezzjoni, u xi nofs siegħa wara jerġa’ jittieħed test tad-demm. Proċedura li tfisser ħinijiet ta’ stennija, u anke l-weġgħa tat-tingiża.
Minflok, riċerka li wettaq turi li test li jista’ jagħmel il-pazjent stess fil-kumdità ta’ daru tista’ twassal għall-istess riżultati.
Il-vantaġġ hu ċar: id-dijanjosi ssir iktar malajr, tnaqqas l-iskariġġ, u s-sistema tas-saħħa tiffranka eluf ta’ sterlini.
Tenna li hu ta’ prestiġju għalih li kiseb din l-għotja, għax ħadem għal ħafna snin għaliha, u kkompeti ma’ ħmistax-il ċentru ewlieni fir-Renju Unit.
Il-konsulent mediku, li llum għandu tlieta u erbgħin sena, trabba San Ġwann u studja fl-Università ta’ Malta, tela’ l-Ingilterra biex jispeċjalizza.
Però lil pajjiżna qatt ma nsieh.
Fil-fatt kellu sehem ewlieni fit-tfassil tal-istrateġija nazzjonali kontra d-dijabete li tnediet fl-aħħar snin.
Spjega li dan jgħin lit-tobba Maltin għax fl-Ingilterra jkunu jistgħu jitħarrġu dwar varjetà ikbar ta’ każi.
Dan minbarra li bħala konsulent fl-endokrinoloġija jmexxi t-transgender clinic f’Sheffield, u bla dubju jkun jista’ joffri għajnuna u esperjenza vasta f’din il-klinika li fetħet ftit xhur ilu f’pajjiżna.