Kif tħabbar mill-Ministru għall-Finanzi fl-aħħar baġit u wara s-suċċess tal-ħruġ tas-62 Savings Bond tal-Gvern ta’ Malta ta’ dawn l-aħħar sentejn li nżammu fl-2017 u 2018, il-Gvern qiegħed jerġa’ jniedi għat-tielet sena konsekuttiva ħruġ ieħor tas-62+ Savings Bond. Dan ilBond qiegħed jiġi offrut għall-individwi kollha li twieldu fl-1957 jew qabel. Dan il-Bond se jkun qiegħed jagħti dħul tajjeb tul il-kors tal-investiment lil numru sostanzjali ta’ anzjani. Il-Bond joffri rata attraenti ogħla minn dik li bħalissa qiegħed joffri s-suq; huwa mmirat għal dawk l-individwi kollha li twieldu fl-1957 jew qabel, li l-maġġoranza tagħhom jiddependu fuq pensjoni tal-irtirar u fuq id-dħul minn tfaddil ta’ flus (investimenti) li jkunu għamlu matul ħajjithom.
F’ambjent fejn ir-rati ta’ mgħax niżlu sew laqat ħażin lill-pensjonanti peress li qiegħed ikollhom tnaqqis sostanzjali fid-dħul mill-flus li huma faddlu. Kien għalhekk li fil-Baġit ta’ Ottubru li għadda l-Gvern iddeċieda li jerġa’ joħroġ dan ilBond għat-tielet sena konsekutiva sabiex ikompli jindirizza din is-sitwazzjoni. Għalkemm it-termini u l-kundizzjonijiet tal-ħruġ ġdid tas-62+Savings Bond tal-Gvern ta’ Malta ta’ din is-sena huwa simili ħafna għal dawk li nħarġu fl-2017 u fl-2018, dan għandu jitqies bħala ħruġ seperat minn ta’ qablu. Għalhekk irrispettivament kemm l-individwu investa f’dawn il-bonds fil-passat, huwa jista’ jerġa jinvesti minn minimu ta’ €500 sa massimu ta’ €10,000 f’dan il-ħruġ ilġdid ta’ din is-sena. Ir-rata ta’ mgħax se tkun ta’ 3% fis-sena fissa għal ħames (5) snin, liema rata hija ħafna aħjar milli hawn fis-suq bħalissa fis-suq.
L-investiment se jkun fiss għal ħames snin u mhux negozjabbli fuq il-Borża ta’ Malta u ma jistax jiġi trasferit minn individwu għal ieħor. Kull individwu eliġibbli se jkun jista’ jinvesti mhux inqas minn €500 u mhux iżjed minn €10,000. Il-Bond huwa mmirat sabiex jinżamm sad-data tal-fidwa, jiġifieri sas-sena 2024, għalkemm jekk tinqala’ l-ħtieġa wieħed jista’ jiġbed l-ammont kollu investit qabel id-data tal-maturità. F’dan il-każ ikun hemm penali ta’ tliet xhur imgħax. Min-naħa l-oħra ma titħallas l-ebda penali meta l-Bond jitħallas lura lill-werrieta permezz tal-proċedura Causa Mortis meta d-detentur jiġi nieqes. Se tingħata preferenza lill-applikanti eliġibbli ġodda magħmula minn (i) individwi li twieldu fl-1957 u (ii) individwi li twieldu qabel l-1957 u li kienu eliġibbli li japplikaw fil-ħruġ tas-sentejn li għaddew, iżda għal xi raġuni ma applikawx. Wara li jiġu allokati l-Bonds lil dawn l-applikanti l-ġodda, il-kumplament li jkun baqa’ x’jiġi allokat, jiġi mqassam bejn id-detenturi eżistenti tat-62+ Savings Bond tal-Gvern ta’ Malta skont id-diskrezzjoni tal-Accountant General. Imgħax fuq dan il-Bond se jitħallas kull sitt xhur b’lura fl-20 ta’ Marzu u fl-20 ta’ Settembru ta’ kull sena sakemm ilBond jimmatura (sakemm il-Bond ma jinġibidx qabel).
L-individwi residenti eliġibbli biex jinvestu fis-62+ Savings Bond tal-Gvern ta’ Malta – Ħruġ 2019 jistgħu jagħżlu li jirċievu l-imgħax bittaxxa mnaqqsa minn ras il-għajn jew f’ammont gross u jiddikjaraw id-dħul li jirċievu mill-imgħax fil-prospett tattaxxa fuq id-dħul. L-applikazzjonijiet għal-ħruġ tas-62+ Savings Bond tal-Gvern ta’ Malta – Ħruġ 2019 jiftħu fit-8:30 a.m. tal-Erbgħa t-13 ta’ Marzu 2019 u jagħlqu fil-5:00 p.m. tal-Ħamis l-14 ta’ Marzu 2019, jew aktar kmieni fid-diskrezzjoni tal-Accountant General.
L-applikanti l-ġodda għandhom japplikaw permezz tal-formola tal-applikazzjoni ‘A’ li tista’ titniżżel minn fuq is-sit elettroniku tad-Dipartiment tat-Teżor jew jiksubha minn u jiddepożitawha għand l-istituzzjonijiet finanzjarji jew fornituri oħra ta’ servizzi ta’ investiment awtorizzati. L-applikanti li diġà investew fis-62+ Savings Bonds tal-Gvern ta’ Malta li huma interessati li jissottoskrivu f’dan il-Bond għandhom jimlew il-formola tal-applikazzjoni ‘B’ (li ġiet mibgħuta lilhom bil-posta) u jissottomettuha għand wieħed mill-istituzzjonijiet finanzjarji jew fornituri oħra ta’ servizzi ta’ investiment awtorizzati. Aktar tagħrif jinkiseb mill-Prospett li jista’ jitniżżel minn fuq is-sit elettroniku tat-Teżor – www.treasury.gov.mt jew billi wieħed iċempel it-Teżor fuq in-numru 2596 7125.