Fl-istat ta’ firda u inkwiet li jinsab fih l-Partit Nazzjonalista, is-Sindku Nazzjonalista tar-Rabat Għawdex Samuel Azzopardi spiċċa jistaqsi jekk postu għadux fil-Partit Nazzjonalista.
Samuel Azzopardi għamel din il-mistoqsija fuq Facebook, meta fakkar lill-Partit Nazzjonalista imexxi minn Adrian Delia, li huwa 16-il sena ilu ikkontesta b’suċċess għall-ewwel darba l-elezzjoni tal-Kunsilli lokali. Filwaqt li tefa’ r-ritratti tiegħu mal-eks President u Prim Ministru Eddie Fenech Adami.
Azzopardi kiteb: “16-il sena ilu kkontestajt għall-ewwel darba (b’suċċess) f’isem il-Partit Nazzjonalista għall-Kunsill Lokali tar-Rabat. Città Victoria fl-istess jum tar-referendum tas-sħubija tal-Unjoni Ewropea. Dakinhar li ngħid IVA għall-Unjoni Ewropea u għall-Partit Nazzjonalista kien naturali u faċli għalija. Illum mill-esperjenza għandi konvinzjoni ikbar li postna fl-Unjoni Ewropea. Imma meta tara kollox ma kollox, fil-kuxjenza tiegħi, għadu faċli li ngħid posti fil-Partit Nazzjonalista”.
Sena ilu, Samuel Azzopardi kien kiteb li mhux se jerġa jikkontesta l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali f’isem il-Partit Nazzjonalista.
Il-kumment ta’ Azzopardi ġab reazzjoni immedjata fuq Facebook.
Bil-Viċi Kap Nazzjonalista Robert Arrigo qal lil Azzopardi: “Zgur li faċli, valuri li ma nibbdilhomx.”
Iżda dlonk wieġbu Samuel Azzopardi u qal lil Robert Arrigo, li l-Partit qiegħed jitlef il-valuri. Fuq il-post ta’ Samuel Azzopardi kiteb ukoll Edward Debono, qrib sew tal-fazzjoni tal-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil.
Debono qallu li postna huwa mas-sewwa.
Bi tweġiba ta’ Samuel Azzopardi tkun li l-Partit Nazzjonalista m’għadux jirraprezenta s-sewwa.
Samuel Azzopardi jingħaqad ma’ għadd ta’ kunsilliera oħra li mhux se jikkontestaw l-elezzjoni minħabba nuqqas ta’ fiduċja f’Adrian Delia.