Mill-2015 s’issa l-pulizija rċeviet kważi 90 rapporti ta’ stupru fuq nisa minn tfajliet sa anzjani. Dan ġie żvelat mill-Ispettur John Busuttil mit-Taqsima ta’ Kontra l-Vizzji. Ma’ One News, l-Ispettur semma kif bl-emendi l-ġodda fil-liġi, id-definizzjoni ta’ stupru ħadet xejra differenti minn kif kienet qabel.
L-Ispettur John Busuttil qal: “Bl-emendi l-ġodda, stupru tista jfisser ukoll kwalunkwe ħaġa li tipprova ddaħħal fil-parti privata ta’ mara u anke fil-halq. Mhux biss l-organu sesswali imma affarijiet oħra- dan diment li ma jkunx hemm il-kunsens”.
B’dawn l-emendi l-ġodda, l-pulizija qed tiltaqa’ ma’ aktar każijiet ta’ stupru li mhux neċessarjament jinvolvu l-kuntatt taż-żewġ organi sesswali.
Huwa kompla jirrimarka li: “Sibna affarijiet strambi wkoll- kellna każ fejn kien hemm min prova jdaħħal bozza fil-parti privata tiegħu- kien hemm affarijiet strambi tiltaqa’ ma’ kollox.”
Bejn l-2015 u l-2019 jidher li l-każijiet ta’ stupru ma jaqbżux it-30 fis-sena.
Ir-rapporti li daħlu għand il-pulizija fl-aħħar snin jinkludu lokalitajiet minn Malta kollha- madanakollu, l-aktar postijiet sinonimi ma’ dan ir-reat huma San Pawl il-Baħar u San Ġiljan b’rata ta’ 4 kazijiet. Bir-rapporti saru kemm minn Maltin u anke barranin.
L-Ispettur Busuttil semma kif ir-rapporti ta’ stupru jvarjaw skont il-każ.
L-Ispettur Busuttil qal: “Jista jkun li jkollna rapport għax tiġi hawnhekk, tmur l-għassa jew l-isptar. Ġieli jkollna każijiet li jiġu riferuti mill-appoġġ. Jiskatta mekkaniżmu li jgħidulu sexual assault response team. Ikun hemm involut social worker, gynaecologist, u pulizija. Issir inkjesta fejn jittieħdu s-samples li jkun hemm bżonn neċessarji”.
Każijiet ta’ stupru mhux neċessarjament isir minn persuni barranin jew minn membri tal-familja iżda jista jseħħ ukoll fiż-żwieġ. B’rabta ma’ dan, l-Ispettur Busuttil semma kif il-pulizija rari tirċievi rapporti dwar dan minħabba nuqqas ta’ għarfien.
Fl-aħħar nett huwa qal li: “Kellna każijiet ta’ stupru matrimonjali- ma kellniex kwantitajiet kbar. Nemmen li ħafna nies ma jirrappurtawx minħabba li jaħsbu għaliex huwa normali. Il-mara taħseb li għax huwa r-raġel tagħha u r-raġel jaħseb li għax għandu dritt fuq il-mara bħalli kieku kienet oġġett”.
Minkejja r-rapporti li jidħlu għand il-pulizija b’rabta ma’ dan ir-reat- li dwaru jittieħdu passi serji, mhux l-ewwel darba li saru rapporti foloz għal diversi raġunijiet- fosthom separazzjoni-f’każ ta’ rapport ta’ stupru matrimonjali. Bil-pulizija minnufih tressaq il-qorti lil min ikun wettaq dan ir-reat.