Sacha Illie Loan Miric –Bardelli, Franċiż ta’ 18-il sena, residenti Tas-Sliema tressaq il-Qorti akkużat b’serq aggravat minn stabbiliment tax-xorb f’Tas-Sliema, li kkawża ħsara fl-istess istabbiliment u li kien fis-sakkra f’post pubbliku.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Bernardette Valletta spjegat kif oriġinarjament fil-każ kien hemm involuti żewġ persuni madanakollu l-ġuvni l-ieħor irritorna lejn Franza l-għada.
Il-Prosekuzzjoni kompliet tgħid li l-akkużati waqt li kienu fis-sakkra kissru l-ħġieġa ta’ stabbiliment fit-triq li kienu joqgħodu fiha u minn ġo fiha bdew idaħħlu idhom u jisirqu l-fliexken tax-xorb.
Tant kemm kienu fis-sakkra, spjegat il-Prosekuzzjoni li saħansittra serqu wkoll fliexken finti taż-tiżjin mingħalihom li kienu mimliha bix-xorb.
L-akkużat wieġeb ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
L-avukat tad-difiża Joseph Brincat spjega kif l-akkużat iddisjpjaċih ta’ dak li għamel u li lest iħallas ammont ta’ flus li jkopru d-danni u l-affarijiet li seraq.
Il-Qorti sabet lill-akkużat ħati tal-akkużi miġjuba kontrih u kkundannatu għal sena ħabs sospiżi għal sentejn.
Huwa kien ordnat ukoll iħallas €553 lis-sid tal-istabbilment.