Cody Max Galli ta’ 23 sena residenti San Ġiljan, tressaq il-Qorti akkużat li fis-7 ta’ Marzu darab lis-sieħba tiegħu bi ġrieħi ta’ natura ħafifa.
Huwa kien akkużat ukoll illi fix-xhur ta’ qabel hedded lilha u lil familtha bi vjolenza.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Matthew Spagnol spjegat li l-vittma preżentat ukoll ċertifikati medici u kif ukoll ritratti fl-għassa tal-Pulizija.
L-akkużat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih u permezz tad-difiża talab għall-ħelsien mill-arrest, madanakollu l-prosekuzzjoni m’oġġezzjonatx għat-talba tad-difiża madanakollu talbet sabiex tinħareġ ordni ta’ protezzjoni fuq il-vittma.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Gabriella Vella laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq diversi kundizzjonijiet u fuq garanzija personali ta’ €5,000.
Il-kundizzjonijiet huma li ma jagħmilx kuntatt mal-vittma u li jiffirma fl-għassa ta’ San Ġiljan darbtejn fil-ġimgħa.
Franco Debono u Amadeus Cachia kienu l-avukati difensuri.