Is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Clint Camilleri, akkumpanjat mill-Ambaxxatur għal Malta Andre Spiteri, qiegħed f’dawn il-ġranet jattendi għall-44 edizzjoni tal-fiera internazzjonali FOODEX 2019, f’Tokyo l-Ġappun.
L-Expo tara s-sehem ta’ 90 pajjiż differenti u hija meqjusa bħala waħda mill-akbar fieri organizzata relatata mal-ikel u x-xorb fl-Asja.
Din iż-żjara qiegħda ssir bl-għan li jiġu stabbiliti kuntatti bilaterali abbażi ta’ negozju u tiġi identifikata l-possibilità ta’ kummerċ bejn iż-żewġ pajjiżi, partikolarment marbuta mal-esportazzjoni tal-majjal u ħxejjex; bħall-patata, basal u tadam.
Intant is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri attenda għal ftuħ uffiċjali ta’ din il-fiera internazzjonali fejn fost l-oħrajn kellu diskussjonijiet mal-Ministru tal-Istat tal-Agrikoltura u Sajd tal-Ġappun Yashuiro Ozato, id-Direttur Ġenerali ta’ DG-Agri tal-Unjoni Ewropea Jerzi Bogdan Plewa, u l-Ambaxxatriċi tal-UE fil-Ġappun, Patricia Flor.
Waqt din iż-żjara s-Segretarju Parlamentari kellu laqgħat ma’ diversi entitajiet kummerċjali li jispeċjalizzaw fl-importazzjoni ta’ prodotti ta’ kwalità fejn ġie spjegat kif il-prodott Malti għandu elementi u karatteristici li jiddistingwuh minn prodotti oħra, anka minn dawk li jinbiegħu fis-swieq Ewropej.
Dan flimkien mal-fatt li riċentament daħal fis-seħħ l-EU-Japan Economic Partnership Agreement li hu intiż biex issaħħaħ in-negozju bejn l-UE u l-Ġappun u jista’ jagħmilha aktar possibli sabiex fil-futur ċerti prodotti Maltin jistgħu jidħlu fis-suq Ġappuniż.