Il-Kandidata għall-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’isem il-Partit Laburista, Dr Josianne Cutajar saħqet dwar l-importanza tal-ugwaljanza f’kull qasam tal-ħajja, u dwar kif il-Partit Laburista dejjem kien fuq in-naħa t-tajba tal-istorja fil-ħidma tiegħu lejn soċjetà ugwali, u fuq kollox, b’ruħ soċjali.
Gvernijiet Laburisti dan urewh bil-fatti, mid-dritt tal-vot għall-mara fl-1947, sal-ħidma li għaddejja fil-preżent, bin-numru kbir ta’ miżuri introdotti biex jinkiseb bilanċ bejn is-sessi. Din il-ħidma ser titkompla fix-xhur li ġejjin, hekk kif il-Gvern ser ikun qiegħed jippreżenta lill-pubbliku l-proposti tiegħu dwar miżuri pożittivi għal iktar rappreżentanza femminili fil-Parlament.
Dr Josianne Cutajar stqarret dan waqt it-tielet laqgħa mis-sensiela ta’ laqgħat bit-tema ‘Niltaqgħu fil-Pjazza’, serje ta’ laqgħat li permezz tagħhom l-iżgħar Kandidata għall-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’isem il-Partit Laburista ser tkun qed tisma’ dak li għandhom xi jgħidu l-Maltin u Għawdxin, filwaqt li twassal il-messaġġ tagħha fid-diversi distretti.
F’dikjarazzjoni b’saħħitha favur l-ugwaljanza sħiħa u għal kull individwu, Dr Josianne Cutajar fetħet id-diskussjoni billi fissret kif għaliha, l-pass ‘il quddiem għall-mara huwa li f’okkażjonijiet bħal ma huma Jum il-Mara, ma jiġux diskussi biss kwistjonijiet li jikkonċernaw lin-nisa, iżda kull suġġett, u dan għaliex il-mara kapaċi tkun esperta fi kwalunkwe suġġett, u mhux biss f’dawk is-suġġetti hekk meqjusa bħala femminili.
“Illum ilqatna diversi suġġetti, bħall-attivizmu, l-impjieg, iż-żgħażagħ, u l-irwol tal-kunsilli lokali – dawn huma wkoll aspetti li jolqtu lin-nisa Maltin u Għawdxin.
Għalhekk nemmen li n-nisa għandhom jsemmgħu leħinhom fuq dawn il-kwistjonijiet u ħafna aktar,” tenniet Dr Josianne Cutajar.
Filwaqt li faħħret id-diversi miżuri li introduċa l-Gvern Laburista fil-qasam tal-impjieg, b’mod speċjali dawk li jtejbu l-bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol, mhux biss għall-mara, iżda għall-irġiel ukoll, Cutajar saħqet li jrid ikollna strutturi li jinkoraġixxu aktar nisa jidħlu fid-dinja tax-xogħol u l-politika.
Għaldaqstant, Dr Cutajar ipproponiet illi għandu jingħata taħriġ lil persuni li qegħdin imexxu l-organizazzjonijiet u l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna sabiex dawn ukoll jifhmu aħjar ir-realtajiet differenti li jesperjenzaw persuni b’ġeneri diversi u jkunu preparati sabiex jgħinu jgħelbu l-isfidi li jaffaċjaw dawn il-persuni fid-diverista’ tagħhom.
“Bħala femminista, jien naħdem għad-drittijiet ta’ kulħadd u irrid nara soċjetà li taħseb f’kulħadd,” saħqet Dr Josianne Cutajar.
F’dan is-sens, hi faħħret il-mod ta’ kif il-Gvern Laburista qiegħed iwettaq il-wiegħda tiegħu li jkun Gvern femminist u l-mod kif qed iħaddem miżuri li jgawdu minnhom mhux biss in-nisa, iżda wkoll l-irġiel. Dr Josianne Cutajar sostniet li din il-politika twassal għal ugwaljanza vera.
Matul il-laqgħa, ġie diskuss ukoll ix-xogħol pożittiv li jwettqu l-Kunsilli Lokali madwar Malta u Għawdex. Bħala minority leader tan-Nadur, Dr Josianne Cutajar saħqet li l-Kunsilli Lokali huma għodda imprezzabbli għat-tisħiħ tal-komunitajiet, u jkunu suċċess permezz tal-attiviżmu, l-inklużjoni, u l-konsultazzjoni lokali.
Hawnhekk, Cutajar faħħret ukoll il-ħidma li għaddejja fil-lokalità ta’ Birżebbuġa, hekk kif il-Kunsill Lokali ser jiftaħ dalwaqt ġnien inklussiv għal tfal bl-awtiżmu u l-ADHD.
Tenniet ukoll li tieħu gost tara kif in-Nofsinhar ta’ Malta, bħal Għawdex, qiegħed jieħu r-ruħ taħt Gvern Laburista, wara snin sħaħ ta’ telqa u abbandun. L-ugwaljanza ġeografika, saħqet Dr Josianne Cutajar, ukoll hi parti mill-ħidma ta’ dan il-Gvern.
Hi tenniet li l-Unjoni Ewropea tista’ titgħallem ħafna minn dawn il-Kunsilli, speċjalment fil-qasam ta’ konsultazzjoni, għaliex l-Ewropa għandha bżonn tisma’ liċ-ċittadin Ewropew iktar. “Fuq livell Ewropew, jekk ningħataw il-fiduċja, m’għandniex niddejqu milli nħabbtu l-ideat u nisfidaw il-fehmiet tagħna. Minn dan id-djalogu jistgħu joħorġu biss riżultati pożittivi,” sostniet Dr Josianne Cutajar.
F’mument iktar personali, Dr Josianne Cutajar ikkummentat dwar kif hi trabbiet f’familja tal-ħaddiem, li rawmitilha l-fidi soċjalista tagħha. Huwa dan it-twemmin politiku, li jaħseb f’kull individwu fis-soċjetà, mingħajr distinzjoni, li jispira l-messaġġ tal-kampanja ta’ Dr Josianne Cutajar, u huwa dan il-messaġġ li, jekk tingħata l-fiduċja, ser tkun qed twassal fil-Parlament Ewropew.