4 persuni, 3 irġiel u mara b’etajiet bejn id-29 u t-48 sena, mistennija jitressqu l-Qorti fis-sigħat li ġejjin wara li l-Ħamis filgħaxija ġej arrestati waqt rejd kbir għad-droga f’dar abbandunata fi Triq Mountbatten fil-Blata l-Bajda.
ONE News hu infurmat li dawn mistennija jiġu akkużati b’pussess u traffikar tad-droga fost oħrajn. Jidher ukoll li d-droga allegatament inqerdet fl-aċtu waqt li l-Pulizija kienu qed jagħtu l-assalt fid-dar. Filfatt mhux eskluż li l-arrestati jiġu mixlija wkoll li qerdu l-evidenza.
Sorsi qrib l-operazzjoni li saret mill-Pulizija tal-iskwadra ta’ kontra d-drogi bil-għajnuna tal-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit u l-Ispecial Intervention Unit qalu li fuq il-post instabet ukoll għodda li tintuża fit-tehid tad-droga, flimkien ma’ ammont ta’ flus kontanti.
Sabiex daħlu fil-post il-pulizija dehru jixxabtu u jagħmlu użu minn xi għodda sabiex fetħu xi aperturi magħmula mil-ħadid u l-aluminju.
Xhieda fuq il-post qalu ma’ ONE NEWS li fil-ħin tal-assalt semgħu bħal splużjoni u xammew riħa ta’ gass.
Waqt ir-rejd li beda għal ħabta tas-7:30pm kellha tissejjaħ ukoll l-għajnuna tal-Protezzjoni Ċivili mit-taqsima tal-HAZMAT. Tul l-operazzjoni, il-Pulizija għamlu użu minn generator biex setgħu xegħlu l-faċċata tad-dar li jidher li m’għandhiex dawl.
Kienu għall-ħabta tat-8:30pm meta l-pulizija dehret ħierġa bil-persuni arrestati u ħadiethom id-depot għal aktar stħarriġ.
Matul l-operazzjoni, iż-żona ta’ quddiem il-binja ingħalqet għat-traffiku, u saħansitra residenti fil-viċinanzi ntalbu jibqgħu fi djarhom.
Il-Pulizija anke żammet lin-nies f’distanza ‘l bogħod.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Monica Vella li ħatret diversi esperti fl-inkjesta Maġisterjali li ġiet appuntata.