50 sena ilu, propju fit-8 ta’ Marzu tal-1969, seħħ l-ewwel każ ta’ karozza bomba f’pajjiżna. Il-vittma kien Emmanuel Micallef ta’ 32 sena mill-Marsa. Il-każ kien seħħ fi Triq Bormla f’Raħal Ġdid għal ħabta tal-9:45 ta’ filgħodu.
Fost l-ewwel ġurnalisti fuq il-post kien hemm Michael Micallef eks-ġurnalist tal-gazzetti ‘Il-ĦADDIEM u L-ORRIZONT’. Fuq il-post eżatt fejn splodiet il-karozza 50 sena ilhu, Micallef jiddeskrivi x-xena ta’ dakinhar.
“Ix-xena ma tistax tmur minn quddiem għajnejja qed niftakar it-tifrik hawn eżatt fejn qed inti. Mill-informazzjoni li ġbarna dakinhar kien hemm li r-raġel li miet kien ġie hawn Malta fit-23 ta’ Diċembru u kellu klabb f’Sydney,” qal is-Sur Micallef.
Ftit qabel ma wasal Malta, il-vittma kien qala’ daqqiet ta’ sikkina minn raġel li kien irnexxielu jiżgiċċa lill-Pulizija Awstraljana. Micallef qal li l-bomba ħadet eżattament meta dawwar iċ-ċavetta biex jistartja l-karozza, ipparkjata quddiem id-dar li kien qed jgħix fiha. Fortunatament martu Sandra kienet għadha ħierġa minn darhom.
Il-mara ma kinetx lesta b’xorti tajba ħareġ biex jistartja l-karozza ħareġ u startja l-karozza biex tkun lesta u jitilqu. Malli għafas iċ-ċavetta din splodiet. Minn għamilha ried jidħol fil-karozza, jikkonektja l-wajers mal-istarter biex malli jagħfasha jtir,” kompla jgħid is-Sur Micallef.
L-isplużjoni seta’ kellha konsegwenzi agħar, għax fil-ħin li splodiet kienet għadejja karozza tal-linja. L-istoriku dwar il-kriminalità f’Malta Eddie Attard jispjega li l-bomba kienet magħmula mill-ġelatina.
“Dak il-ħin sfortunatament kienet għadejja karozza tal-linja u bl-isplużjoni kien tar xi ħġieġ u weġaw xi nies. Dak iz-zmien il-gelatina kont tista ssib jew minn bombi zghar mhux sploduti li kienu jingabru minn madwar filfla jew fl-isplussiv tal-barrieri,” spjega s-Sur Attard.
Il-Pulizija qatt ma rnexxielha tasal għal persuna li wettqet dan l-omiċidju. Madankollu l-mara ta’ Micallef, Sandra, li kienet ġiet miegħu mill-Awstralja kienet għarrfet lil pulizija b’suspettat ewlieni. Dan kien raġel li ġie mal-koppja mill-Awstralja u li kien jiffrekwenta xi klabbs ta’ żewġha. Filfatt il-Pulizija investigat lil dan ir-raġel.
Hija bdiet tinvestiga l-każ fid-dawl ta’ dak li ġara fis-sajf ta’ qabel f’Sydney l-Awstralja. Parti minn Sydney kienet iddominata mill-Maltin li jmexxu r-renju tal-vizzji fosthom ħafna klabbs ta’ prostituzzjoni fost oħajn.
L-eks ġurnalist Micallef qal li kien inqatel “Ċertu wieħed Joe Borg li kien imlaqqam bħala ‘The King of Vice’ jew ir-Re tal-vizzju li b’karozza bomba għamluh trietaq. Każ ieħor ta’ Charles Borg fejn xi ħadd marlu quddiem id-dar u spara tir ta’ senter fejn kien hemm martu u t-tfal. Dan biex nurik il-gwerra li kien hemm bejn il-kapijiet tal-mafja ġewwa Sydney”
Dan il-każ baqa’ jissemma għal bosta snin, sakemm f’Ottubru tal-elf disa mija seba u tmenin is-suspettat ewlieni f’dan il-każ inqatel.
“B’tir ta’ pistola minn xi ħadd li qal li kien vittma tiegħu f’rikat u hemm il-każ ingħalaq għax ma setawx ikomplu, għax l-unika suspettat kien dan il-bniedem,” qal Micallef.
Minn dan il-każ sal-lum f’pajjiżna kien hawn erbatax il-każ ta’ karozza bomba. Sitta minnhom kienu fatali. Sitt persuni oħra ndarbu f’erba’ splużjonijiet, filwaqt li f’erba’ każi oħra ma ndarab ħadd għax ma kien hemm ħadd fil-karozza.
Il-vittmi f’dawn il-każijiet kienu kollha Maltin. B’rabta ma’ dawn il-każijiet sitt persuni jinsabu mixlija bil-qtil jew bl-attentat ta’ qtil fil-Qorti.