Raġel ta’ 46 sena ingħata l-ħelsien mill-arrest bil-kundizzjoni li jitkellem ma martu biss permezz ta’ messaġġi fuq il-mowbajl wara li tressaq il-Qorti akkużat bi vjolenza domestika.
Ir-raġel minn Marsaskala kien akkużat li attakka, insulta u kkawża biża li tintuża vjolenza fuq martu waqt argument li l-koppja kellha l-bieraħ meta l-akkużat mar fir-residenza tagħha biex jara lit-tifla tiegħu li għandha sitt snin u li kienet ma tiflaħx.
L-ispettur Joanna Piscopo rrakkontat kif meta ra l-kundizzjoni li kienet fiha t-tifla huwa ħabbat fuq il-bieb tal-kamra tas-sodda ta’ martu sabiex tieħu lit-tifla għand tabib jew l-isptar, madankollu hija ma weġbitx.
Id-difiża immexxija mill-avukati Alfred Abela u Albert Libreri, qalet li r-raġel u l-mara tiegħu li hi mill-Belarus, ilhom għaddejjin minn proċeduri ta’ separazzjoni għal dawn l-aħħar tlett snin.
Il-Qorti ppreseduta mill-maġistrat Doreen Clarke tat il-ħelsien mill-arrest bil-kundizzjoni li r-raġel ma jikkomunikax mal-mara sakemm il-komunikazzjoni ma tkunx awtorizzata mill-Qorti tal-Familja, tkun dwar it-tifla u biss permezz ta’ SMS. L-akkużat ingħata il-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €3,000.