Fil-Jum Dinji tan-Nisa, tnieda dokument ta’ konsultazzjoni pubblika msejjes fuq tmien pilastri ewlenin li għandhom l-għan li jsaħħu l-ugwaljanza bejn is-sessi fis-soċjetà Maltija.
Din l-istrategija mistennija toffri direzzjoni u sservi ta’ linji gwida għal entitajiet tal-Gvern u partijiet oħra interessati li jaħdmu biex jassiguraw standards għoljin għan-nisa’ fis-soċjetà.
Id-dokument huwa msejjes fuq tmien mizuri: trattament ugwali, aċċess indaqs għal opportunitajiet fid-dinja tax-xogħol, indipendenza finanzjarja, opportunitajiet indaqs għat-tagħlim u edukazzjoni, bilanċ bejn ix-xogħol, ħajja privata u tal-familja, opportunitajiet indaqs għal impjiegi b’irwol t’awtorità, opportunitajiet indaqs għas-sistemi tas-saħħa li jassiguraw il-benessere tal-mara u l-intersezzjonalità
Fil-preżenza ta’ numru ta’ nisa bi rwol prominenti fis-soċjetà, il-Ministru għall-Ugwaljanza Helena Dalli qalet li aktar minn 50% tal-impjegati fil-Ministeru tagħha u l-entitajiet li jaqgħu taħtu huma nisa, u qalet li tixtieq li din ir-rapprezentanza qawwija tiżdied f’kull Ministeru u entità hekk kif in-nisa jistgħu joffru kontribut u perspettivi differenti.
Fakkret li l-Gvern diga beda process ta’ gender mainstreaming permezz tad-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Integrazzjoni. Dan se jservi biex il-liġijiet Maltin ikunu kompletament konformi mal-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta’ kull forma ta’ diskriminazzjoni kontra n-nisa u għalhekk ikun diffiċli mmens li lmenti quddiem il-Kumitat tas-CEDAW jirnexxu kontra Malta.
Kulħadd jista’ jgħid tiegħu sat-8 t’April li ġej billi jibgħat e-mail fuq humanrights@gov.mt jew b’ittra lill-uffiċċju tad-Direttorat tad-Drittijiet Umani f’Raħal Ġdid.