Fil-ġimgħat li ġejjin, fiċ-Ċentri tas-saħħa madwar Malta u Għawdex se jibda jingħata servizz ta’ konsulenti tad-dijabete, sabiex il-pazjenti ma jkollhomx għax imorru aktar l-isptar Mater Dei.
Dan tħabbar mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, waqt żjara li għamel f’inizjattiva oħra ta’ Health Living in the Community fil-Mellieħa.
Il-Ministru Chris Fearne qal: “Fil-ġimgħat li ġejjin il-Gvern ħa jkun qed jibda servizz ġdid tad-dijabete fiċ-ċentri tas-saħħa tagħna. Għandna kemm impjegajna żewġ konsulenti ġodda biex ħafna mis-servizzi tal-outpatients li sal-lum qed jingħataw f’Mater Dei nibtuhom permezz ta’ dawn iż-żewġ konsulenti u t-timijiet tagħhom fiċ-Ċentri tas-saħħa tagħna”.
Huwa żied jgħid li dan is-servizz ġdid se jnaqqas bil-kbir il-ħin li sal-lum il-pazjenti kellhom jistennew sabiex jinqdew minn servizzi simili fl-isptar Mater Dei.
“Dan ifisser li s-serizz se jkun iktar viċin in-nies innaqqsu aktar iż-żmien ta’ stennija illi sa issa kien hemm f’Mater Dei u nkunu qed nagħtu servizz aktar personaliżżat lill-pazjenti tagħna.”
Il-Ministru għas-saħħa qal li dan is-servizz il-ġdid hu biss ħolqa waħda minn bosta inizjattivi li saru fil-qasam tad-dijabete, fosthom introduzzjoni ta’ mediċini ġodda fuq il-formulajru tal-Gvern.
Intant fil-Mellieħa bosta anzjani sarulhom testijiet mediċi u ngħataw tagħrif siewi dwar saħħithom.
Is-Segretarju Parlamentari għall-anzjani Anthony Agius Decelis, qal li attivitajiet simili bħal dawn jgħinu biex l-anzjani jibqgħu b’saħħithom u attivi fil-komunità.