Il-Pulizija rnexxielha tidentifika ż-żewġ Maltin involuti fiċ-ċirku ta’ traffikar ta’ vetturi misruqa bejn Sqallija Malta u l-Libja.
Sorsi qrib l-investigazzjonijiet fl-Italja kkonfermaw ma’ ONE NEWS li ż-żewġt irġiel arrestati huma Anthony Grech u Michael Delia, żewġ persuni li isimhom mhux ġdid mal-Pulizija Maltija.
Fl-aħħar jiem, il-Pulizija Taljana arrestat 40 persuna b’rabta ma’ dan iċ-ċirku li kien qed irendi eluf kbar lil dawk involuti f’dan it-traffikar.
ONE News jista’ jiżvela wkoll li fost l-arrestati hemm tliet Libjani li jgħixu f’Malta.
Huma ġew arrestati kollha kemm huma fi Sqallija, wara operazzjoni msejħa ‘Coast to Coast’.
L-istess sorsi qalu li l-Libjani allegatament kienu qed imexxu t-traffikar illeċitu minn Malta għal-Libja filwaqt li l-Maltin kienu qed iservu ta’ intermedjarji sabiex il-vetturi jiddaħħlu f’pajjiżna bil-katamaran.
Hu mifhum li l-Pulizija Maltija permezz tal-Iskwadra tal-Vetturi Misruqa fi ħdan id-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali, qiegħda f’kuntatt mal-Pulizija Taljana sabiex tgħin fl-investigazzjonijiet li għaddejjin.
Fil-fatt fl-aħħar snin il-Pulizija Maltija rnexxielha tintraċċa għadd ta’ karozzi li kienu sejrin il-Libja minn Malta b’mod irregolari.
Ingħad li fost il-31 karozza li l-Pulizija interċettat fl-Italja hemm għadd minnhom li huma lussużi u oħrajn kummercjali.
Dawn il-vetturi ġew irritornati lis-sidien li mingħandhom insterqu f’reġjuni differenti fl-Italja.
Madanakollu xorta waħda fadal għadd ta’ karozzi oħra li ma ġewx interċettati u mhux eskluż li dawn laħqu ġew ittraffikati.