Waqt li kompliet il-kumpliazzjoni tax-xhieda fil-konfront tat-tliet akkużati mixlija bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, l-espert tekniku Martin Bajada qal li kien hemm kuntatt bejn l-apparat tat-telekommunikazzjoni li kienu fiż-żona malli ħadet il-bomba fil-Bidnja.
Intqal li dawn kienu mowbajl tat-tip Nokia 105 u GPS. L-investigazzjoni li saret fuq is-sim cards sabet li apparti dakinhar tal-isplużjoni, intużaw darba f’Jannar u darb’ oħra f’Awwissu.
Fil-Qorti ġie spjagt li l-FBI sabet li fuq antenna minnhom kien hemm sms li m’għaddiex.
Irrimarka li huwa kkomunika mal-FBI darbtejn biss, u qatt ma kien involut fil-ħidma tagħhom.
Skont il-kumpanija Vodafone, wara li l-messaġġ ġie deċifrat, dan kien jaqra l-frażi #rel1=on. Frażi li tikkonferma li wieħed mill-apparati ma kienx mowbajl.
Bajada qal ukoll li l-aħħar telefonati u messaġġi li kien hemm fuq il-mowbajl ta’ Caruana Galizia ma kinux marbutin mal-ħin li fih seħħet l-isplużjoni.
Min-naħa tagħha, id-difiża reġgħet qajmet id-dubji tagħha fuq kemm l-evidenza hija waħda valida.
Il-kawża ġiet diferita għat-tnax t’ April li ġej.