F’Jum il-Ħelsien li jmiss il-poplu Malti u Għawdxi se jfakkar l-40 sena ta’ Malta Ħielsa b’monument restawrat mill-ġdid fil-Birgu.
Il-monument tal-Ħelsien fil-Birgu, li jfakkar it-tluq tas-serivzzi Ingliżi u tmiem tal-era tal-ġżira bħala bażi militari, ra xogħlijiet ta’ diversi tipi jibdew f’Ottubru li għadda.
Minn dak iż-żmien s’issa, madwar 164 metru kubu ta’ materjal invażiv tneħħa minn fuq il-monument.
L-aħħar ftit xogħlijiet ta’ manutenzjoni mistennija jitlestew fi ftit jiem, biex kollox ikun lest għaċ-ċerimonja kommemorattiva fuq l-għolja tal-ħelsien fid-29 ta’ Marzu li ġej.
Id-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet u l-Infrastruttura, Stephen Bonello, spjega li minħabba li dan kien proġett maġġuri ta’ restawr u manutenzjoni, kellhom isiru proċessi delikati fuq il-monument, li kien fi stat ta’ telqa.
Stephen Bonello, Direttur Ġenerali għax-Xogħlijiet u Manutenzjoni qal: “Tqegħdu wkoll mill-ġdid partijiet mill-pavimentar tal-għolja li kien inqala’ maż-żmien. Inżebgħa r-railing u l-kliem li hemm imdawwar mal-monument, kif ukoll ġew irrestawrati l-istatwi u l-urna tal-monument”.
Dan apparti li sar tindif tal-veġetazzjoni li maż-żmien inġemgħet fuq il-monument, kif ukoll żbir tas-siġar li jdawwruh.
Huwa kompla billi qal: “Ix-xogħlijiet issa huma kważi lesti. Fadal ftit żgħir ta’ żebgħa u tindif xi jsir. Irrid ngħid ukoll li bdilna s-sistema tad-dawl. Din ġiet imwaħħla mill-ġdid biex dan jinxtegħel filgħaxijiet”.
Waqt żjara fuq il-lant tax-xogħol, il-Ministru Ian Borg fakkar li proġetti bħal dawn ma jsirux biss għat-tgawdija minn residenti fil-lokalità, iżda għandhom sinjifikat storiku u kulturali. Qal li dawn juru kemm aħna poplu b’saħħtu, u kemm pajjiżna dejjem ħadem biex ikollu identità unika.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Chris Agius spjega ma’ ONE News li d-Dipartiment tax-Xogħlijiet u l-Infrastruttura għaddej bi proġetti żgħar oħra madwar il-Birgu.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Agius qal: “ Xogħol li se jiġbed ħafna attenzjoni huwa ta’ mina antika li se tkun qed tgħaqqad il-foss taħt Couvre Port għal max-xatt tal-Birgu. Dan se jagħmilha aktar faċli għal min juża l-ferry”.