Il-bdiewa Maltin u l-Għawdxin jixirqilhom l-appoġġ tal-Gvern Malti biex jgħinhom ikomplu joperaw f’kompetizzjoni inġusta li ilhom jaffaċċjaw mindu Malta daħlet fl-UE qal Alfred Sant lil bdiewa fl-Imtaħleb li għadhom jgħoddu l-ħsarat tal-maltempata.
Sant qal li jekk jikseb il-fiduċja tal-elettorat fl-elezzjonijiet Ewropej jibqa’ l-vuċi tal-bdiewa fil-Parlament Ewropew.
Wiegħed l-għajnuna tiegħu jekk il-Kooperattiva tal-Bdiewa tkun qed tapplika għal dawn il-fondi Ewropej fl-2021 li tgħin lill-bdiewa jimmodernizzaw l-operat tagħhom.
Alfred Sant faħħar l-inizjattiva tal-Gvern li wiegħed l-għajnuna lill-bdiewa li ntlaqtu mill-maltempata.
Qal se jagħmel ħiltu biex il-bdiewa jibbenefikaw minn fondi tal-UE maħsuba għal diżastri naturali.
Alfred Sant żar familja tal-bdiewa li għadhom qed jgħoddu l-ħsarat li għamlitilhom il-grigalata tal-ġimgħa l-oħra.
“Kull għajnuna tgħodd,” qalu l-bdiewa li jaħdmu 60 tomna ta’ raba’ fl-Imtaħleb.
Dawn kellhom tliet serer kbar, li waħda minnhom inqerdet għal kollox u t-tnejn l-oħra sofrew ħsarat strutturali kbar.
Mit-tliet serer il-kbar waħda hija għar-rimi u t-tnejn l-oħra għandhom ħafna ħġieġ imkisser.
Il-ħsarat jammontaw għal €30,000.
Il-bdiewa qalu li jaraw diffikutajiet kbar quddiem il-biedja f’Malta jekk ma jkunx hemm għajnuna profonda.
“Meta titneħħa l-protezzjoni fuq il-biedja f’Malta u tiftaħ il-bibien beraħ ma tfendix,” qalu l-bdiewa lil Alfred Sant.