Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, ħabbar f’laqgħa politika fil-Mosta li l-Partit Nazzjonalista se jkun qed jappoġġja n-nomina ta’ George Vella għall-President tar-Repubblika. Huwa ħabbar din id-deċiżjoni fi tmiem laqgħa tal-grupp parlamentari tal-Partit Nazzjonalista li ddiskutiet in-nomina ta’ Vella bħala l-għaxar President ta’ Malta.
Fuq Twitter, il-Prim Ministru Joseph Muscat laqa’ d-deċiżjoni tal-Oppożizzjoni li tivvota favur in-nominazzjoni ta’ George Vella, u qal li m’għandux dubju li huwa l-persuna idonea għal din il-kariga u li se jkompli jgħaqqad lill-pajjiż.
I welcome @adriandeliapn announcement that opposition will vote in favour of @GeorgeWVella nomination as President of #Malta. I have no doubt he is the right person for the job and that he will continue uniting the country -JM
— Joseph Muscat (@JosephMuscat_JM) March 6, 2019
B’reazzjoni, il-Partit Laburista wkoll laqa’ d-dikjarazzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni, Adrian Delia, u fi stqarrija qal li r-reazzjoni mis-soċjetà fl-aħħar sigħat ikkonfermat kemm l-għażla ta’ Vella kienet waħda xierqa b’mod partikolari minħabba l-integrità u l-esperjenza tiegħu.
Il-Partit Laburista nnota wkoll l-argumenti politiċi u partiġjani li għamel Delia l-Erbgħa filgħaxija.
Iżda, f’dan il-mument il-Partit Laburista qal li se jagħżel li ma jidħolx f’battibekki ta’ natura partiġjana. Minflok qal li l-poplu għandu jieħu gost bl-appoġġ unanimu li se jkun qed jikseb il-President il-ġdid tar-Repubblika.