Wirja fil-Parlament li tmur lura għall-bidu tas-seklu għoxrin, turi t-triq li mxew is-sebgħa u għoxrin mara li rrappreżentaw lill-poplu Malti u Għawdxi fil-Parlament tul is-snin.
Il-kuratriċi Nadia Abdilla spjegat li bil-wirja l-pubbliku jista’ jagħraf dak li għaddiet minnu l-mara biex waslet fejn qiegħda grazzi għal nisa li kellhom l-opportunità li jsemmgħu leħinhom favur l-ugwaljanza.
“Wieħed jista’ jara dokumenti rari li possibilment għadhom qatt ma ntwerew qabel. Hawn ukoll ritratti uniċi u korrispondenza li kienet issir mal-Ingilterra dak iż-żmien favur il-vot tal-mara f’Malta,” hija qalet.
Il-Ministru Helena Dalli – il-mara li ilha l-aktar fil-Parlament minn dawk preżenti, fakkret fl-impenn tal-Gvern biex iżid ir-rappreżentanza tan-nisa fil-Parlament.
“22 sena ilu meta l-Partit Laburista kien fil-Gvern kont għamilt kommemorazzjoni lil Agatha Barbara dak iż-żmien hi l-iktar mara li kienet ilha fil-Parlament u hemmhekk tkellimt fuq il-bżonn li nieħdu azzjoni pożittiva sabiex ikollna aktar nisa fil-Parlament,” qalet il-Ministru Dalli.
Lejlet diskussjoni nazzjonali li għandha l-għan li żżid ir-rappreżentanza tan-nisa fil-Parlament, is-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli tkellmet dwar dokument partikolari f’din il-wirja li jixhed l-importanza tal-mixja tal-mara tul is-snin.
“Hawn ħafna dokumenti rari f’din il-wirja imma naħseb l-iktar dokument li jgħaqqad it-tema ta’ dak li qed niddiskutu bħala pajjiż huwa dokument ittra rari li kiteb riċerkatur politiku lura fiż-żmien li kien talab l-Assemblea Nazzjonali li l-mara tingħata d-dritt tal-vot,” qalet is-Segretarju Parlamentari.
Il-wirja se tibqa’ miftuħa sa nhar l-Erbgħa tlettax ta’ Marzu.