L-Erbgħa filgħaxija l-Partit Laburista nieda l-wirja tal-arti bit-tema Women’s Touch. Din il-wirja hija parti mill-attivitajiet tal-erbgħin sena tal-Ħelsien se tkun qed tittella wkoll b’rabta ma jum il-mara li se jaħbat ftit tal-jiem.
Il-Prim Ministru qal li din il-wirja xhieda ta’ kemm il-Partit Laburista għandu għal qalbu n-nisa. Huwa jemmen li dan huwa l-bidu ta’ rapprezentanza iktar ekwa bejn is-sessi madankollu baqa’ xi jsir għax sfortunatament is-soċjeta għadha tiddiskrimina bejn il-mara u r-raġel. Hawnhekk huwa stqarr li fadal xi jsir f’dan ir-rigward u l-Gvern huwa impenjat sabiex iwaqqaf din id-diskriminazzjoni li teżisti.
Huwa rringrazzja lill-erba’ artisti nisa li qed jesebixxu l-arti tagħhom fid-daħla taċ-Ċentru Nazzjonali Laburista filwaqt li dar magħhom sabiex setgħu jispjegaw t-tifsira tal-arti li qed tiġi esebita.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista Randolph Debattista qal li kull xahar iċ-ĊNL qed jiġbor numru ta’ esibezzjonijiet ta’ arti minn artisti nisa Maltin. Huwa qal li dan ix-xahar huwa importanti ħafna għall-Partit Laburista u spjega li din hija waħda mill-attivitajiet li se jwassal għal Jum il-Ħelsien.
Huwa fakkar fil-kunċert Tema 79 li hija attivita oħra mtella’ mill-Partit Laburista b’rabta ma dan l-anniversarju tal-ħelsien.