Għal xi ħin bdew jidhru xi dħaħen hierġin minn ajruplan tal-Emirates fl-ajruport.
one.com.mt jinsab infurmat li l-inċident seħħ għall-ħaba tas-1.30pm, ftit mumenti wara li niżel fl-Ajruport minn titjira minn Larnaca.
Jidher li l-kawża tal-inċident kienet l-Auxiliary Power Unit tal-ajruplan li ħa n-nar mal-inżul tal-ajruplan. Dan l-apparat, li jinstab fid-denb tal-ajruplan, huwa intiż biex iżomm is-sistemi tal-ajruplan jaħdmu meta l-magni jkunu mitfija fuq il-mitjar.
In-nar ġie kkontrollat mill-ewwel minn sistemi priventivi abbord l-ajruplan stess.
Dak il-ħin l-ebda passiġġier ma kien abbord.
Minħabba dan l-inċident l-ajruport ingħalaq għal ftit ħin u l-ajruplani li kienu skedati biex jinżlu intalbu jżommu holding pattern fuq il-gżejjer Maltin.
L-ajruport reġa nfetaħ għall-ħabta tas-2.05pm.
It-titjira lura lejn Larnaca, li kellha titlaq fit-2.55pm, ittardjat.