Ras ir-Randan jagħti bidu għal mixja ta’ erbgħin jum li jwassal għall-akbar festa tal-Knisja, l-Għid il-Kbir.
Żmien li matulu bosta Maltin u Għawdxin jżommu mat-tradizzjoni u jagħmlu xi tip ta’ sagrifiċċju f’dawn il-jiem, l-aktar fl-Erbgħa tal-Irmied, f’Jum id-Duluri u fil-Ġimgħa l-Kbira.
ONE News żar il-lokalità tal-Qrendi fejn tkellimna mal-Kappillan tal-Parroċċa ta’ Santa Marija, Dun Glenn Buhagiar fejn spjega l- oriġini tal-Erbgħa tal-Irmied.
“L-irmied ġej mill-ktieb tal-Ġenesi meta Alla lil Adam jgħidlu trab kont u trab terġa’ ssir. U allura waqt li s-saċerdot qiegħed jagħmel l-irmied fuq ras il-persuna jew jimmarkaha bis-sinjal tas-salib fuq moħħha bl-irmied jgħid dan il-kliem jew inkella hemm il-kliem ieħor sabiħ li qal Kristu, indmu u emmnu fil-bxara t-tajba,” qal Dun Buhagiar.
Fil-knejjes, f’Ras ir-Randan issir ċelebrazzjoni tat-tqiegħed tal-irmied li jsir minn weraq taż-żebbuġa li huwa simbolu tal-indiema mid-dnubiet.
Dun Buhagiar qabbel żmien ir-randan ma’ service ta’ karozza fejn il-bniedem jirifletti fuq l-ispiritwalità tiegħu.
“Aħna wkoll fil-ħajja tagħna, għax kultant għandna bżonn li aħna nieqfu u niriflettu kif inhi l-ħajja tagħna spiritwali, il-ħajja tiegħi ma’ Alla u l-ħajja tiegħi mal-oħrajn,” huwa kompla jgħid.
Il-qari tal-ewwel jum tar-Randan iwassal il-messaġġ biex l-insara jerġgħu jersqu aktar viċin Alla.
“Erġgħu duru b’qalbkom kollha lejn il-Mulej u dak irridu nagħmlu f’dan iż-żmien, li nerġgħu nduru b’qalbna kollha lejn il-Mulej,” temm jgħid Dun Buhagiar.