Wara tliet inċidenti fl-aħħar jiem li nvolvew ċilindri tal-gass, l-Awtorità Maltija għal Kompetizzjoni u l-Konsumatur flimkien mar-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma bdew investigazzjonijiet rispettivi.Fi stqarrija, iż-żewġ awtoritajiet saħqu li mill-ewwel informazjoni jidher li m’humiex relatati ma’ xulxin. Qalu li qedgħin jiffukaw l-attenzjoni tagħhom fuq ir-regolaturi u ċ-ċilindri infushom.
F’dan ir-rigward, qed isiru spezzjonijiet fuq ir-regolaturi u l-valvijiet biex jiġi assigurat li huma konformi ma’ standards Ewropej u fuq l-integrità taċ-ċilindri infushom.
L-awtoritajiet qalu li ċ-ċilindri jiġu riċertfikati b’valvijiet ġodda kull għaxar snin u li spezzjonijiet fuq fuq il-proċess tar-riċertfikazzjoni taċ-ċilindri jsir fuq bażi regolari. Dawk iċ-ċilindri li jfallu l-ispezzjoni jinqerdu.
L-awtoritajiet enfasiżżaw li dawk li jpoġġu fuq is-suq ċilindri tal-gass u regolaturi għandhom jaċċertaw li l-prodotti tagħhom ikunu konformi mal-leġislazzjoni ta’ sigurtà.