‘Li tkun taħdem fis-settur privat u toħroġ għall-politika tfisser determinazzjoni kbira’, hekk qal il-Ministru tal-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar u d-Deputat Mexxej Laburista Dr Chris Cardona waqt attività li organizza Noel Cassar, il-kandidat għall-Parlament Ewropew fil-kazin tal-Partit Laburista ta’ Birkirkara.
Dr Cardona tenna li kemm-il darba Noel ikun elett, persważ li ħa jaħdem fuq oqsma li ħa jkunu importanti fi żmien li ġej.
Tkellem rigward l-isfida li għandu pajjiżna rigward l-armonizzazzjoni tat-taxxa, fejn l-Ewropa tixtieq li l-pajjiżi tal-Unjoni Ewropeja jkollhom taxxa simili.
Kemm-il darba jiġri hekk pajjiżna jibda jitlef il-kompettività li għandu meta kkomparat mal-pajjiżi ikbar minnha. Hu għamel referenza wkoll rigward id-diskussjonijiet tal-Budget ta’ l-Unjoni Ewropeja għall-perjodu 2021-2027 li ħa jsiru fix-xhur li ġejjin fejn li jrid jintlaħaq ftehim.
‘Hemm bżonn membri Parlamentari li jkunu tekniċi fil-Parlament Ewropew ħalli jagħtu daqqa t’id lill-Gvern Malti fid-diskussjonijiet fil-fora Ewropea u konvint li Noel huwa wieħed minnhom’ saħaq Dr Cardona.
Id-Deputat Mexxej irringrazzja lil Noel li ħa din id-deciżjoni biex ikun ta’ servizz lejn il-poplu Malti u Għawdxi.
Il-Kandidat għal-Parlament Ewropew Noel Cassar, beda d-diskors tiegħu billi qal li huwa tajjeb li jsir użu mill-każini tal-Partit Laburista għall-attivitajiet bħal dawn.
Hija sfortuna li s-swali fil-każini ma tantx jintużaw.
Hu ghamel referenza għall-ekonomija li sejra tajjeb u qiegħda titjieb minn sena għal sena fejn il-Gvern Laburista qiegħed juri bis-serjetà r-ruħ soċjali tiegħu.
Biss qal li baqa’ xorta xi jsir u hemm fejn irid jitranġa. Hu għamel referenza għal dak li semma Dr Cardona ftit qabel, fejn saħaq li tajjeb li jkun hemm kandidati għall-politika bħalu li jkunu ġejjin mis-settur privat.
Cassar qal li jiddejjaq ħafna meta investituri barranin jistaqsuh b’mod negattiv rigward Malta u jkollu jispjega li Malta mhix dak il-pajjiż li jitkellmu fuqha l-MEPs barranin u anke MEPs li ġejjin mill-kamp tal-Partit Nazzjonalista.
Tkellem li din ir-raġuni kienet li xprunatu biex jikkontesta għall-elezzjoni li ġejja u determinat li jaħdem qatiegħ biex ineħħi l-ħsara li ntefgħet fuq pajjiżna.
Tkellem dwar l-importanza li dan il-Gvern qiegħed jagħti liż-żgħażagħ fejn semma li f’dawn l-elezzjonijiet, iż-żgħażagħ ta’ 16 u 17-il sena ħa jkollhom id-dritt li jivvotaw.
Hu għalaq id-diskors tiegħu billi tenna li hu jrid ikun vuċi soda favur Malta u Għawdex kollha għax Malta tiġi l-ewwel u qabel kollox.