Dr George Vella huwa bniedem li ma jinbidel qatt. Dawk li huma prinċipji tas-sewwa għalih ma humiex taċ-chewing gum, jiġġebdu ‘l hawn u ‘l hemm. Jien nafu kemm professjonalment bħala tabib u aktar u aktar bħala bniedem fil-politika, mingħajr ma kien politikant. Id-differenza hija li meta tkun politiku tiswa għal dak li tgħid u tagħmel, il-ħsibijiet tiegħek u tara kif jistgħu jitwettqu, u fuq kollox tagħti l-eżempju. Il-politikant ikun fil-politika, imma għall-vot ma hemmx kelma oħra aħjar milli tgħid “jitqaħħab”.
Fuq il-mediċina ma kienx jitmejjel bin-nies. Faċli ħafna. Li tbella’ mediċini kemm jiflaħ u anke meta ma jiflaħx aktar il-bniedem. Kien dejjem jistudja u jipperfezzjona t-tagħlim tiegħu, u għalkemm GP, ma kienx jagħti mediċini bla bżonn, u ma jafx x’se jiġri wara.
Imma bħala tabib fil-politika ma kienx għall-vot jinxtara billi jmur xi ħadd għandu ħalli jagħmel ċertifikat li jkun gidba mill-bidu sal-aħħar. Ħadd ma kien jgħid li tmur għand Dr George Vella ħalli jagħmillek ċertifikat li marid u tmur għall-kaċċa flok ix-xogħol. Insemmi ħwejjeġ żgħar hekk, għax juru l-personalità tal-bniedem.
Fil-politika dejjem żamm ruħu ‘l bogħod minn tgħajjir fil-vojt, u dejjem kien ifittex li argument jiġġieldu b’argument, qatt ma jinfexx fil-persuna tal-avversarju. Bħala ministru tal-affarijiet barranin, għamel ukoll il-marka tiegħu, għax ma kienx mejda tal-qubbajd, u kien ifittex li l-kuntatti tiegħu dejjem ikunu siewja u b’lealtà.
U għadda ħsieb minn moħħi. Riċentement ħa dekorazzjoni mingħand ir-Reġina Eliżabetta. L-uniċi żewġ presidenti li kellhom dekorazzjoni mir-Reġina kienu Sir Anthony Mamo u Dr George Vella. U nara xebh kbir bejn il-karattru ta’ Sir Anthony, li jien kont naf mill-qrib, u Dr George Vella, li naħseb li xi ftit nafu.
Persważ ukoll li se jkollu miegħu spalla siewja u li dejjem kienet hemm. Qed ngħid għal martu, Miriam.
Minn hawn u ftit ieħor, Dr George Vella jieħu l-ġurament. Ma nistax ngħidlu iżjed “sieħbi”, imma rrid ngħid li huma “tagħna lkoll”.