Il-Partit Laburista ħabbar l-attivitajiet li se jfakkru l-40 sena minn meta Malta saret ħielsa għal kollox mir-Renju tal-Imperu Ingliż.
F’konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Organizzattiv tal-Partit, William Lewis, qal li l-attivitajiet se jibdew minn din il-ġimgħa stess b’ tifkira ta’ Jum il-mara. Dan b’ esibizzjoni fiċ-ċentru nazzjonali laburista minn erba’ artisti nisa u b’ diskussjoni bit-tema ‘Nisa Suċċess’ f’Dar il-Mediterran.
Issemma wkoll il kunċert Tema ’79 li se jsir b’ orkestra ta’ 40 ruħ u wħud mill-aħjar kantanti Maltin.
L-istazzjon ONE se jxandar dokumentarju dwar din il ġrajja storika li se jkun fih filmati esklussivi u intervisti. Fl-istess ħin u ta’ kuljum, ONE Radio qed ixandar kummentarju dwar il-ħelsien.
Kandidati tal-Kunsilli Lokali f’isem il-PL se jieħdu sehem f’tindifa madwar Malta fis-16 ta Marzu.
Ix-xahar ta’ ċelebrazzjonijiet, inkluż dawk għaż-żgħażagħ, jintemm fid-29 ta’ Marzu b’ diskors tal-Prim Ministru Joseph Muscat biswit l-għolja tal-Ħelsien fil-Birgu.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Partit, Randolph Debattista, ħeġġeġ lil kulħadd biex jingħaqad f’dawn il-jiem hekk kif il-festi Nazzjonali huma ta’ kulħadd. Qal ukoll li l-Partit Laburista dejjem fakkar il-ħelsien b’ impenn, issa huwa xieraq li l-Maltin u l-Għawdxin kollha jingħaqdu biex ifakkru festa nazzjonali tant kruċjali.