Spiċċa ż-żmien meta n-nies taż-Żmien Neolitiku kienu sempliċiment jitqiesu li jafu jagħmlu l-affarijiet biss bil-mod ‘primittiv’ tagħhom. Infatti, bosta skoperti wrew illi eluf ta’ snin ilu, l-abitanti ta’ dawn il-gżejjer kienu kapaċi jaħsbu b’mod innovattiv u li minn żmien għal żmien, ħolqu modi ġodda ta’ kif iwettqu xogħolhom aħjar.
It-tempji monumentali megalitiċi fil-gżejjer Maltin huma xempju suprem tal-kompetenza kbira tagħhom. Nhar il-Ħadd, 10 ta’ Marzu, Heritage Malta qed tistieden lill-pubbliku għal Open Day fit-tempji ta’ Ħaġar Qim u l-Mnajdra, l-Qrendi, fejn se jkun hemm ukoll għadd ta’ attivitajiet interessanti.
Fid-9.30am, tfal minn 5 sa 10 snin, se jkunu jistgħu jagħmlu reċipjenti tal-fuħħar kif kienu jsiru fiż-Żmien Neolitiku. Din l-attività se tiġi repetuta fis-1.30pm.
Fl-10.00am, kuratur ta’ Heritage Malta se jkun qed imexxi żjara bl-Ingliż madwar it-tempji ta’ Ħaġar Qim u l-Mnajdra. Dawk li jixtiequ jattendu għandhom ikunu f’dal-ħin ħdejn Ħaġar Qim Gate.
Fl-10.30am, tfal minn 8 sa 12 il-sena, se jippreparaw ħobż ċatt – ikla magħmula mill-ingredjenti li kienu jeżistu f’dak iż-żmien antik.
F’nofsinhar, l-osteologa u arkeologa, Bernadette Mercieca Spiteri, se tagħti t-taħdita ‘Travelling back in time with the Neolithic people’, fejn se tkun qed tiddiskuti dettalji interessanti rigward riċerka kurrenti li qed issir fuq għadam antik uman li nstab ġewwa ċ-Ċirku tax-Xagħra, Għawdex.
Waqt dan l-avveniment, il-pubbliku jista’ jesplora t-tempji u kif ukoll iċ-ċentru tal-viżitaturi li jinsab biswithom.
Ħinijiet tal-ftuħ: mid-9.00am sal-5.00pm (l-aħħar dħul fl-4.30pm)
Għal aktar informazzjoni, żur is-sit ta’ Heritage Malta http://www.heritagemalta.org