Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li t-Tabib George Vella għandu l-kwalitajiet essenzjali biex ikun jista’ jservi u jkompli bl-aqwa tradizzjoni tal-kapijiet ta’ stat li kellna f’Malta.
F’messaġġ fuq Facebook, Dr Muscat qal li Dr Vella huwa persuna ta’ integrità assoluta. Qal li ftit huma n-nies bħal Dr Vella b’ħajja pubblika ta’ aktar minn 40 sena li matulhom mhux biss servew b’integrità iżda qatt ma kellhom l-ebda tip ta’ dell fuqhom.
Dr Muscat qal li t-Tabib Vella huwa persuna li ma jfittix il-poter iżda li jservi. Qal li fil-karriera politika tiegħu kien wieħed minn dawk il-ftit politiċi li meta kien offrut il-poter irrifjutah. Qal li dan jagħmlu persuna ideali għal din il-kariga.
Il-Prim Ministru qal li l-fatt li Dr Vella għandu esperjenza twila fil-qasam internazzjonali jista’ jagħti kontribut fid-diskussjoni internazzjonali u fir-rwol ta’ Malta fix-xena internazzjonali.
Sostna li jinsab konvint li Dr Vella se jaqdi l-kariga tagħha bħala President ta’ Malta bħala l-aħjar mod possibbli.
Huw ta ħajr ukoll lill-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca għax-xogħol eċċezzjonali li qal li għamlet f’dawn il-ħames snin li għaddew b’enerġija kbira. Qal li l-President ħalliet timbru u effett kbir fuq il-ħajja ta’ eluf ta’ Maltin u Għawdxin.
Dr Muscat qal li l-President kienet simbolu ta’ għaqda u ta’ kemm nisa fis-soċjetà tagħna mxew ‘il quddiem u se jkomplu jimxu ‘l quddiem.
Qal li l-Gvern qed iħares ‘il quddiem li jkompli jgħinha fil-ħidma tagħha fit-tmexxija tal-Fondazzjoni għall-Ġid tas-Soċjetà li permezz tagħha se tkompli tagħti l-kontibut tagħha lis-soċjetà Maltija.