Tard it-Tnejn filgħaxija, id-Dipartiment tad-Dwana rreġistrat suċċess notevoli fil-ġlieda tiegħu kontra l-ħasil tal-flus.
Dan hekk kif uffiċjali mill-Unit tal-Infurzar, li kienu qed jiċċekkjaw lill-passiġġieri li kienu se jħallu lill-pajjiżna, elevaw iktar minn mitejn elf ewro fi flus mhux dikjarati minn passiġġier wieħed.
Il-każ, deskritt bħala wieħed bla preċedent mid-Dwana, żviluppa meta l-uffiċjali għażlu passiġġier partikolari li kellu passaport Malti u kien qed joqgħod f’Manchester, hekk kif kien se jiaqbad titjira lejn Istanbul.
Wara li saret tfittxija fuqu u fl-affarijiet tiegħu, gzuz ta’ flus mhux dikjarati nstabu fil-bagalja li kienet diġa għaddiet mill-proċess ta’ check-in, u għaldaqstant tniżżlet minn fuq l-ajruplan.
L-ammont totali tal-flus elevati kien mitejn elf, mija tnejn u disgħin ewro, li għaxart elef ewro minnhom ingħataw lura lill-passiġġier filwaqt li l-kumplament nżammu mid-Dwana.
L-Iskwadra tal-Pulizija ta’ Kontra l-Ħasil tal-Flus kienet avżata bil-każ, u l-passiġġier tpoġġa taħt arrest u mistenni jitressaq il-Qorti fis-sigħat li ġejjin.
B’dan il-każ, fl-aħħar xahrejn, id-Dwana ssekwestrat iktar minn kwart ta’ miljun ewro fi flus mhux dikjarati.