Għal diversi snin, l-ilsien Malti ma kienx l-għażla popolari tan-nies fix-xena tal-ispettaklu bil-għan li jintlaħqu l-udjenzi barranin iżda meta fil-Malta Eurovision Song Contest 2017, tfaċċat kanzunetta oriġinali bil-Malti, ir-rispons kien wieħed spettakolari, bil-barranin jixhdu li jixtiequ jisimgħu aktar b’din il-lingwa.
Il-prestazzjoni ta’ kanzunetti oriġinali bil-lingwa Maltija hija xi ħaġa li matul dawn l-aħħar snin żdiedet permezz ta’ spettakli L-Għanja tal-Poplu – Festival tal-Kanzunetta Maltija u konkorsi lokali
oħra.
L-għan ta’ dan il-festival qatt ma kienet li tinħoloq kompetizzjoni bejn il-parteċipanti, iżda li jkun hemm it-tkabbir tal-liberta’ espressiva fil-kanzunetta bl-ilsien matern, l-ilsien Malti.
Dan huwa proġett li jittella’ b’impenn u entużjażmu permezz ta’ ħidma flimkien bejn entitajiet kemm volontarji kif ukoll governattivi.
Kien propju għalhekk li fl-2018, li l-kumitat tal-Għanja tal-Poplu reġa’ qajjem l-Għanja tal-Poplu Żgħażagħ bħala attività biex jilħaq iż-żgħażagħ ta’ taħt is-16-il sena.
Dan il-festival qed jittella’ mill-Għanja tal-Poplu b’kollaborazzjoni mal-Kulleġġ San Benedittu, l-Malta Concert Orchestra, u l-Kunsill Malti għall-Arti – Cultural Partnership Agreement, l-Akkademja tal-Malti, u Aġenzija Żgħażagħ; u bis-sapport tal-Ministeru tal-Edukazzjoni u l-Awtorità tal-Ippjanar.
Il-festival L-Għanja tal-Poplu Żgħżagħ 2019 se jittella’ nhar il-Ġimgħa 15 ta’ Marzu.
L-applikazzjonijiet għall-5 edizzjoni ta’ dan il-festival intlaqgħu fis-27 ta’ Novembru 2018.
Il-kumitat organizzattiv għażel ġurija professjonali li kienet mitluba tagħżel l-aħjar kanzunetti fost dawk sottomessi minn fuq ir-rikording provdut.
Ir-riżultat aħħari kien ta’ 24 semi-finalista, li minnhom, ġurija oħra riedet tniżżilhom għal 16-il finalist wara li tismagħhom lajv fil-Kulleġġ San Benedittu.
L-għażla ma kinitx faċli iżda 8 kanzunetti riedu jiġu eliminati, biċċa xogħol diffiċli skont il-ġurija li saħqu għal darba, darbtejn li l-livell kien wieħed għoli ħafna.
L-Għanja tal-Poplu Żgħażagħ ħa jseħħ fil-15 ta’ Marzu 2018 fis-sala tal-Kulleġġ San Benedittu bi preżentazzjoni ta’ Martina Cutajar u Nathan Psaila.
Ħa jkun hemm żewġ rappreżentazzjonijiet l-ewwel waħda filgħodu miftuħa biss għat-tfal tal-iskejjel u l-għalliema tagħhom u t-tieni waħda li hija miftuħa għall-pubbliku.
Il-mistiedna speċjali tul is-sereta ħa jkunu r-rebbieħa tas-sena l-oħra, Aidan Jay Drakard u Eliana Gomez Blanco li rebħu l-festival is-sena li għaddiet, kif ukoll ir-rebbieħa tal-Għanja tal-Poplu Żgħażagħ 2006, Christabelle Borġ, li riċentament irrapreżentat lil Malta fil-Eurovision Song Contest.
Nawguraw lill-parteċipanti kollha, u nawguraw li jkollna iktar attivitajiet li joħolqu spazju għaż-żgħażagħ fejn ikunu jistgħu jesprimu it-talenti tagħhom.
Għal aktar informazzjoni dwar L-Għanja tal-Poplu Żgħażagħ kif ukoll L-Għanja tal-Poplu – Festival tal-Kanzunetta Maltija nħeġġukom iżżuru s-sit elettroniku: ghanjafest.com jew
facebook.com/GhanjaTalPoplu