It-Tieni jum tal-Karnival spontanju fin-Nadur kien iddominat b’kostumi oriġinali u kreattivi sabiex ifakkru jew anke jiddieħku b’avvenimenti li ġraw f’Malta riċentament u li żgur ser jibqgħu f’moħħ il-poplu.
Fost dawn insibu l-aktar avveniment riċenti, dak li ġabet magħha l-Grigalata, ammont kbir ta’ awrat kemm fl-art kif ukoll fil-baħar.
It-tieni kostum li ddomina kien ta’ nies lebsin ATM’s tal-BOV, dan sabiex ifakkru l-ġrajja ta’ ftit ġimgħat ilu ta’ meta kien hemm attentat ta’ hacking fis-sistemi tal-BOV.
It-tielet kostum li ddomina kien dak ta’ Sort it Out, b’diversi nies jippromovu din il-kampanja jew anke jiddieħku biha, wara li anke ddominat il-midja lokali għal dawn l-aħħar ġimgħat…tinsiex, Sort it Out!
Fost dawn, insibu wkoll kostumi oħra oriġinali u kreattivi. Insibu dawk li libsu ta’ karrattri ta’ serje barranin, fosthom Money Heist u l-Puffi.
Kostumi ta’ ikel, sorijiet, politikanti internazzjonali u lokali wkoll kienu fost il-folla tal-Karnival Spontanju tan-Nadur.