Il-gazzetta KullĦadd tkellmet dwar il-kors li jwassal għad-Dottorat fil-Farmaċija mniedi mid-Dipartiment tal-Farmaċija tal-Università ta’ Malta u li issa daħal fil-5 sena tiegħu, attira lejh 67 student li 26 minnhom huma barranin u ġejjin minn 15-il pajjiż differenti.
Il-kors huwa offrut b’kollaborazzjoni mal-Kulleġġ tal-Farmaċija tal-Università Amerikana ta’ Illinois ta’ Chicago.
B’riżultat ta’ dan il-kors l-ispiżjara għandhom l-opportunità li jkomplu javvanzaw fl-għarfien tal-farmaċija, jipprattikaw u jirriċerkaw permezz ta’ tmexxija u professjonalità innovattiva.
Ir-riżultat ta’ dan il-programm huwa konformi ma’ dak li jissejjaħ FIP Pharmaceutical Workforce Development Goals li jittratta għaliex għandu jkun hemm investiment fil-ħaddiema fil-qasam tal-farmaċewtika u x’inhuma l-għanijiet għall-iżvilupp tal-ħaddiema f’dan il-qasam.
Il-kors huwa meqjus bħala mudell eċċellenti ta’ kif wieħed jista’ jipprovdi kompetenzi professjonali li huma essenzjali fis-sistemi tas-saħħa llum.
Mitlub jikkummenta dwar dan, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li “dan jinkwadra perfettament f’dak li qegħdin nagħmlu permezz tas-sistema robotika għat-tqassim tal-mediċina fl-Isptar Mater Dei u fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo.
F’Novembru li għadda nedejna l-proċess li se jwassal biex fi żmien tliet snin jibda jsir użu minn teknoloġija avvanzata u robotika bħala mezz biex jittejjeb is-servizz tal-mediċina fl-isptarijiet, jonqsu l-possibbiltajiet ta’ żbalji, filwaqt li jitnaqqas ix-xogħol mhux produttiv u li jtellef il-ħidma professjonali fil-kliniċi u mal-pazjenti fis-swali tal-isptarijiet.
Proġett li se jkun ifisser investiment ta’ aktar minn €12-il miljun u se jsir mill-konċessinarju tal-proġett.
Il-Gvern jibda biss iħallas lura dan l-investiment meta u jekk il-Gvern ikunx iffranka flus mill-ammont li qiegħed jonfoq bħalissa għall-istess xogħol li se tkun qed tagħmel is-sistema.
Permezz ta’ din is-sistema, li ovvjament tinvolvi diversi professjonijiet, fosthom tal-farmaċewtika, se tkun eliminata tista’ tgħid għal kollox il-possibbiltà li jkun hemm skarsezza ta’ mediċini filwaqt li l-ispiżjara u l-infermieri se jkunu nħelsu mix-xogħol pjuttost kliniku.
Sistema li taħseb ukoll biex ma jkunx hemm ħażniet ta’ mediċini bla bżonn bil-konsegwenza li jiskadu u jkollhom jintremew.
Is-sistema taħseb ukoll biex tipprevedi l-ħażna meħtieġa filwaqt li b’mod awtomatiku tagħmel l-ordni relatata.
Matul din is-sena se jkun għaddej studju fuq kull sala fl-Isptar Mater Dei u fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo biex ikun jista’ jinġieb l-apparat meħtieġ, filwaqt li mis-sena li ġejja jibda jingħata t-taħriġ neċessarju lill-ħaddiema konċernati, taħriġ mifrux fuq 5 ġimgħat għal kull sala u li jieħu ftit inqas minn sena.
L-implimentazzjoni ta’ din is-sistema robotika fejn jirrigwarda ħażna u tqassim ta’ mediċini tieħu madwar sentejn u li tinvolvi aktar minn 800 apparat sofistikat fosthom żewġ robots fl-imħażen tal-mediċina fil-Qasam Industrijali ta’ San Ġwann u tnejn oħra fl-Isptar Mater Dei.