Lill-ħaddiema, il-gvern ma jirringrazzjahomx bil-kliem biss. Kien dan il-messaġġ tal-Prim Ministru Joseph Muscat f’kollegament fuq ONE Radio il-Ħadd filgħodu.
Hawnhekk, il-Prim Ministru Muscat fakkar li din il-ġimgħa stess, il-Gvern nieda skema ta’ assigurazzjoni għall-ħaddiema kollha tal-korpi dixxiplinati, inkluż dawk part-time, f’każ li jweġġgħu fuq il-post tax-xogħol. Dawn il-ħaddiema se jkunu jistgħu jieħdu massimu ta’ €180,000 r-ras f’każ ta’ diżabbiltà permanenti jew mewt.
Filwaqt li rrimarka x-xogħol ta’ dawn il-ħaddiema fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, meta pajjiżna ffaċċja l-ikbar maltempata mit-tmeninijiet, il-Prim Ministru spjega l-bżonn ta’ din il-miżura, li kienet parti mill-manifest elettorali tal-Partit Laburista. Iżda din ma kinitx l-ewwel bidla li gawdew minnha eluf ta’ ħaddiema fil-korpi dixxiplinati li wettaq Gvern Laburista.
Il-Prim Ministru Muscat qal: “Diġà tajna d-dritt fil-leġiżlatura l-oħra li jissieħbu fi trade union. Dritt li ma kellhomx. Hemm sitwazzjoni li dawn il-persuni għandhom l-ewwel ftehim kollettiv tagħhom”.
Dan apparti li l-Gvern ta d-dritt lill-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li jingħataw il-25 sena servizz, simili għall-proċedura li jimxu biha l-Armata u l-Korp tal-Pulizija. Il-Prim Ministru Muscat qal li dan huwa mod kif il-Gvern jagħti d-dinjità lill-ħaddiem lil hinn mit-tkabbir ekonomiku u l-opportunitajiet għall-impjieg.
Meta tkellem dwar il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema, il-Prim Ministru reġa’ għamilha ċara li l-gvern mhux se jippermetti li ħaddiema barranin ikollhom kundizzjonijiet anqas minn ta’ ħaddiema Maltin.
Hawnhekk reġa’ fakkar li rapporti dwar eluf ta’ ħaddiema Torok ma kienu xejn għajr spekulazzjoni.
Huwa kompla billi qal: “Kien hemm affarijiet li ntqalu li mhux vera li ġejjin xi 5,000 ħaddiem Tork. Il-mod kif jintqalu ċerti affarijiet huma fix-xifer tal-Xenofobija, li tipprova tbeżża’ bil-barranin qisna tal-Assedju l-Kbir, dak mhux veru xejn dak l-ammont. Għandna kkonfermat li l-ammont mhux se jkun aktar minn 500”.
Fisser kif f’soċjetà li taspira li wliedha javvanzaw fl-edukazzjoni huwa naturali li jkun hemm ċerti impjiegi li jkun hemm bżonn min jagħmilhom.
Il-Prim Ministru kompla billi qal: “Aħna li rridu naraw li ma jinħoloqx xi żbilanċ għall-ħaddiema Maltin. Ġiet tajba din il-ħaġa wkoll għaliex rajna li kien hemm toqba fil-liġi li ppermettit abbużi u ma kinitx qed tiġi użata. Imma tajjeb li ġibditilna l-attenzjoni biex inwaqqfuha”.
F’ġimgħa fejn rapporti mill-Kummissjoni Ewropea u l-IMF kellhom kliem ta’ tifħir għall-mod kif il-pajjiż inbidel mill-2013 s’issa, il-Prim Ministru Muscat fakkar li tajjeb li wieħed iħares lejn dawn ir-rapporti internazzjonali minn lenti ta’ pajjiżi oħra.
Fuq kollox, f’jum fejn żewġ stħarriġ tal-opinjoni pubblika wrew li l-Partit Laburista fil-Gvern qed igawdi l-fiduċja tal-maġġoranzza assoluta tal-poplu Malti u Għawdxi, il-Prim Ministru reġa’ tenna l-importanza tal-kawtela.
Fl-aħħar nett il-Prim Ministru qal: “Ngħidha b’onestà kbira. Inżommu saqajna mal-art. L-elezzjonijiet huma diffiċli. Ilbieraħ kont qed nitkellem ma’ Sandro kumbinazzjoni. On the ground, man-nies, fid-djar, dawn l-affarijiet huma kruċjali u mhux affarijiet oħra”.